Lokali

Il-Gvern ma jressqx lill-aħwa Farrugia minkejja l-pariri li kellu

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Simon Busuttil isostni li l-iskandlu fil-każ ta’ korruzzjoni fix-xiri taz-żejt hu l-fatt li l-Gvern Laburista naqas milli jressaq lill-aħwa Farrugia quddiem il-Qorti. Dan meta kellu l-pariri tal-Ispettur Anglu Gafa u tal-Avukat Generali biex jieħu l-passi iżda minkejja dan il-Gvern ma ħax il-passi biex l-aħwa Farrugia jitressqu.

F’kummenti mal-ġurnalisti l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil qal li li l-aktar li jinteressa lill-poplu huma l-prezzijiet għoljin esaġerati li qed ikollhom iħallsu għall-petrol u d-diesel. Hu spjega kif minkejja li l-prezz internazzjonali taż-żejt roħos b’iktar min-nofs, il-gvern Laburista xorta baqa jżomm il-prezzijiet għoljin għall-konsumaturi Maltin. Simon Busuttil qal li l-oppożizzjoni hi mpenjata li twettaq il-pressjoni neċessarja biex il-gvern ma jibqax jisraq lill-poplu Malti mill-petrol u d-diesel.

Minbarra li din hi problema li qed tolqot lill-konsumaturi, il-prezzijiet esaġerti tal-petrol u d-diesel qed jeffettwaw lin-negozji. Tant li l-GRTU qed tesiġi diskussjoni fil-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Soċjali u Ekonomiku. Simon Busuttil laqa’ b’sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-GRTU li titlob laqgħa tal-MCESD biex l-imsieħba soċjali jiddiskutu l-problemi tal-prezzijiet għolja tal-petrol u d-diesel. Hu appella biex iktar korpi kostitwiti u anki unions tal-ħaddiema jieħdu l-istess pożizzjoni tal-GRTU għal diskussjoni dwar din il-problema.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni sostna li bħalissa l-prezzijiet internazzjonali taż-żejt raħas bin-nofs iżda l-gvern Malti baqa’ jzommu l-istess prezz kif kien qabel bil-konswegwenza li l-konsumaturi u s-sidien ta’ negozji żghar u mejdi qed jinsterqu kuljum ma’ kull litru petrol jw diesel li jixtru.