Lokali Parlament

Il-Ministru Mizzi ma jridx jagħti dettalji dwar kif xtara ż-żejt

Il-familji u n-negozji Maltin jibqgħu jħallsu fost l-għola prezzijiet tad-diesel u l-petrol fl-Ewropa

Il-Ministru Konrad Mizzi responsabbli mill-qasam tal-enerġija, qiegħed jevita jirrispondi jekk hu tax l-approvazzjoni tiegħu għall-hedging agreement fix-xiri taż-żejt, hekk kif il-familji u n-negozji Maltin jibqgħu jħallsu fost l-għola prezzijiet tad-diesel u l-petrol fl-Ewropa.

Meta wieġeb għal żewġ mistoqsijiet differenti li saru mill-Viċi Kap tal-Oppożizzjoni għall-Ħidma fil-Parlament, Mario de Marco, dwar il-hedging agreements li għamel dan il-Gvern, il-Ministru Konrad Mizzi ta l-istess tweġiba għaż-żewġ mistoqsijiet differenti.

Il-Viċi Kap tal-Oppożizzjoni Mario de Marco, staqsa lill-Ministru Mizzi jgħid jekk intalbitx awtorizzazzjoni ministerjali qabel ġie konkluż il-ftehim attwali tal-hedging taż-żejt.

Staqsa wkoll f’mistoqsija oħra lill-istess Ministru, b’kemm hu l-prezz li bih Malta qed tixtri ż-żejt wara li kien qal li l-prezzijiet għoljin li qed inħallsu għall-petrol u d-diesel huma kawża tal-hedging agreement.

It-tweġiba tal-Ministru Konrad Mizzi kienet identika għaż-żewġ mistoqsijiet: “li l-politika tal-Gvern tiffavorixxi stabbilità fil-prezzijiet. Deċizjonijiet dwar il-ftehim tal-hedging jittieħdu mal-Kumitat tar-Risk tal-kumpanija Enemed.”

Fit-tweġiba li ta, hu evidenti li l-Ministru Konrad Mizzi qiegħed jevita li jagħti l-informazzjoni mitluba. Qiegħed jevita wkoll li jagħti spjegazzjoni dwar kif il-Gvern xtara ż-żejt b’hedging agreements li wasslu lill-poplu jibqa’ jħallas għal prezzijiet ħafna għolja minn dak li qed iħallsu popli oħrajn Ewropej.

L-Oppożizzjoni wkoll ressqet mozzjoni fil-Parlament biex il-Parlament jiddiskuti din il-materja li żgur mhix ta’ natura li hija kummerċjalment sensittiva għax qed tolqot kuljum lill-familji u n-negozji Maltin.

Ministru li jibqa’ ma jagħtix l-informazzjoni mitluba mill-Opożizzjoni fil-Parlament, u jibqa’ ma jkunx ċar fir-risposti li jagħti bil-miktub.

L-Oppożizzjoni wkoll fil-Parlament, fil-Kumitat dwar il-Kontijiet Pubbliċi, nhar il-Ġimgħa talbet lill-Awditur Ġenerali jħejji rapport dwar il-hedging agreements għax-xiri taż-żejt li saru minn dan il-Gvern.