Wara li lbieraħ il-GRTU talbet laqgħa urġenti fuq il-prezz tal-fuel fil-preżenza tal-Ministru konċernat, issa kien imiss li l-UHM tesprimi ruħha mħassba wara li pompa partikolari tal-petrol ma tħallietx tnaqqas il-prezz tal-fuel.
Il-UĦM qed tistaqsi jekk is-suq tal-fuel f’Malta hux verament liberalizzat hekk kif esprimiet ruħha mħassba wara l-iżvilupp ta’ dan l-aħħar, meta pompa partikolari tal-petrol allegatament ma tħallietx tnaqqas il-fuel għall-konsumaturi.
Fi stqarrija, il-UĦM qalet li t-tħassib tagħha jkompli jikber meta ftit sigħat wara li roħos il-prezz, saret pressjoni minn operatur privat biex din il-pompa terġa’ tgħolli l-prezz. Għalhekk il-union qed issaqsi jekk is-suq tal-petrol u d-diesel f’Malta hux liberalizzat, kif jitolbu r-regoli tal-UE, jew jekk hux dominat minn entità statali li qed tiddetermina l-prezzijiet f’Malta minkejja li jeżistu operaturi oħra fil-provvista tal-fuel.
Il-UĦM qalet li jekk inhu hekk, dan qed imur kontra prinċipju bażiku ta’ suq liberalizzat fejn il-konsumar jingħata l-opportunità li jagħżel u għalhekk qed tinsisti li r-regoli ta’ suq ħieles għandhom jiġu mħarsa speċjalment meta s-suq joffri possibiltà ta’ roħs fil-prezzijiet li minnu jgawdu l-ħaddiema u l-familji tagħhom.
Il-union qed titlob lill-Awtorità Maltija tal-Kompetizzjoni u tal-Konsumatur biex tinvestiga jekk entità tal-istat li twaqqfet f’Ottubru li għadda għandhiex pożizzjoni dominanti fis-suq. Fl-istess ħin, qed tħeġġeġ lill-Gvern biex jindirizza lill-MCESD biex jispjega kifjaħdem is-suq tax-xiri taż-żejt f’Malta u kif dan is-settur hu regolat. Qed titlob lill-Gvern biex jispjega wkoll ir-rwol tal-entità tal-istat inkarigata mix-xiri taż-żejt, kemm hawn operaturi oħra f’Malta li jipprovdu petrol u diesel fis-suq lokali, u kemm isselfet Enemed biex tibda tipprovdi l-fuel u jekk is-self kellux effett fuq il-prezz finali tal-petrol u d-diesel.
Il-UĦM qed titlob lill-Gvern ukoll biex ikun ċar dwar sa meta Malta hi marbuta bil-ftehim eżistenti ta’ hedging u jekk dan jorbotx operaturi oħra fis-suq taż-żejt. Qed issaqsi lill-Gvern ukoll meta, permezz ta’ Enemed, se jidħol għal ftehim ieħor ta’ hedging bi prezz imraħħas għall-kumplament tas-sena.
Il-UĦM qed tisħaq li din għandha tkun il-linja tad-diskussjoni fl-MCESD dwar dan is-suġġett u tinsisti li l-interessi tal-ħaddiema bħala konsumaturi, li jgawdu minn roħs tal-prezzijiet tal-petrol u d-diesel, għandhom jiġu l-ewwel u qabel kollox.
//= $special ?>