Lokali Parlament

Konfermata mewta oħra ta’ anzjan fil-kurituri tal-Isptar Mater Dei

L-Oppożizzjoni tiddikjara fil-Parlament li ħadd mhu se jagħlqilha ħalqha minkejja l-insulti u t-theddid minn Ministri tal-Gvern għall-każ li qajmet dwar mewta oħra wara sentejn ta’ Gvern li kellu roadmap għas-saħħa

Il-Ministru għas-Saħħa Konrad Mizzi kkonferma fil-Parlament illejla, li llum miet anzjan ieħor fil-kuritur tal-Isptar Mater Dei.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil fil-Parlament, staqsa lill-Ministru għas-Saħħa Konrad Mizzi, jekk dan hux aċċettabbli minn Gvern li tela’ b’roadmap dwar is-servizzi tas-saħħa u sentejn wara jmut anzjan fil-kuritur tal-Isptar. Dan hu każ ieħor ta’ mewt li seħħ din il-ġimgħa fil-kurituri tal-Isptar Mater Dei.

Għall-mistoqsijiet li għamlet l-Oppożizzjoni lill-Ministru tas-Saħħa u Enerġija Konrad Mizzi, li talbet lill-Ministru tas-Saħħa jispjega u jinforma lill-Parlament dwar is-sitwazzjoni li jinsab fiha l-Isptar Mater Dei, b’diversi pazjenti jingħataw il-kura u jinżammu fil-kurituri, qamet kommossjoni sħiħa min-naħa tal-Gvern b’diversi theddid u nsulti min-naħa tal-membri tal-Gvern.

Għall-kummenti b’rabja li saru min-naħa tal-Ministri George Vella u Michael Farrugia, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil iddikjara li l-Ooppożizzjoni ma sabitx il-protezzjoni tal-Kamra u sostna li ħadd mhu se jagħlaq ħalq l-Oppożizzjoni minkejja l-insulti li saru mill-membri tal-Gvern lejn id-deputati tal-Oppożizzjoni.

Kien ix-Shadow Minister Chris Said li fil-ħin tal-mistoqsijiet, talab lill-Ministru għas-Saħħa jikkonferma jekk illum mititx persuna oħra fil-kurituri tal-Isptar.

Għat-tweġiba tal-Ministru Konrad Mizzi li ddikjara li l-anzjan miet fl-extension ward tal-Medical Admission Ward, Chris Said staqsa jekk dak li qed jirreferi għalih bħala extension of ward hux qed jirreferi għal xi kuritur fl-Isptar Mater Dei.
Minkejja li wieġeb fit-tul dwar dak li qiegħed iwettaq il-Gvern f’Mater Dei, il-Ministru Konrad Mizzi baqa’ ma jgħidx jekk bl-extension ward kienx qed jirreferi għal xi kuritur.

Fl-atteġġjament li ħadu wħud mill-membri tal-Gvern għat-talbiet u l-mistoqsijiet tal-Oppożizzjoni biex il-Gvern jispjega dwar dak li qed jiġri f’Mater Dei u s-sitwazzjoni nkwetanti ta’ pazjenti fil-kurituri li jwasslu għas-swali, l-Ispeaker Anġlu Farrugia sikket diversi drabi lill-Ministru Michael Farrugia filwaqt li wissa li kien se jissospendi l-Kamra.

L-Oppożizzjoni talbet il-protezzjoni tas-Sedja mill-Whip tal-Grupp Parlamentari tal-Oppożizzjoni David Agius, li talab ukoll li jkun irtirat kliem ta’ theddid u nsulti li saru mill-Ministri tal-Gvern Michael Farrugia u George Vella.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil baqa’ jistaqsi l-mistoqsija li baqgħet ma tweġbitx mill-Ministru Konrad Mizzi, dik jekk hux aċċettabbli għall-Gvern li sentejn wara mill-għajta tar-roadmap li kellu għas-settur tas-saħħa, xi ħadd imut f’kuritur tal-isptar.