Membri ta’ organizzazzjoni fundamentalista – possibbilment tal-Istat Iżlamiku (ISIS) – kmieni lbieraħ filgħodu attakkaw il-lukanda Corinthia fil-kapitali Libjana Tripli u wara li qatlu Gwardji tas-Sigurtà li kienu barra l-bini, fetħu n-nar fir-Reception u immedjatament wara ħatfu partijiet mil-lukanda billi telgħu f’wieħed mis-sulari, x’aktarx l-għoxrin sular. Ma kienx ikkonfermat jekk f’dan is-sular it-terroristi kellhomx ukoll xi persuni miżmuma bħala ostaġġi.
Ħadd mill-ħaddiema jew residenti Maltin tal-lukanda ma weġġa’ f’dan l-attentat terroristiku fuq din il-lukanda tal-Grupp Corinthia li ilha stabbilita fi Tripli għal dawn l-aħħar għaxar snin, u li sa kmieni lbieraħ filgħodu kienet meqjusa bħala zona mill-aktar sigura fi Tripli kollha hekk kif il-kapitali Libjana bħalissa għaddejja minn episodji ta’ ġlied intern kaġun tal-gwerra ċivili. Din kienet l-ewwel darba li l-Corinthia sfat fil-mira ta’ attakk terroristiku.
Fil-ħin tal-attakk, ftit tal-ħin wara d-9am, fil-lukanda kien hemm il-ħaddiema – Maltin, Libjani u oħrajn – li bħas-soltu kienu qed iħejju għall-ġurnata tax-xogħol tagħhom fid-diversi taqsimiet fl-istess binja. Kien hemm ukoll numru ta’ residenti pajżana – Libjani u oħrajn ta’ ċittadinanza barranija – li jew kienu alloġġjati fl-istess lukanda, inkella kienu hemmhekk għal xi laqgħat jew impenji oħrajn. Il-Corinthia ta’ Tripli hi popolari ferm ma’ diplomatiċi – kemm Libjani u anke ta’ pajjiżi oħrajn – li jiltaqgħu f’din il-lukanda u anke jkunu alloġġjati fiha meta jżuru Tripli. Mhix l-ewwel darba li anke Omar al-Hassi, il-Prim Ministru li jmexxi l-Gvern mhux rikonoxxut internazzjonalment ta’ Tripli, qagħad fil-lukanda Maltija.
Skont rapporti, fl-aħħar jiem kienu qed joqogħdu fil-lukanda wkoll uffiċjali tan-Nazzjonijiet Uniti li bħalissa għaddejjin b’medjazzjoni dwar is-sitwazzjoni politika interna fil-Libja.
Qabel ma t-terroristi daħlu fil-Lobby, kien hemm splużjoni ta’ karozza bomba quddiem il-lukanda.
Dak il-ħin ir-residenti tal-lukanda jew kienu għadhom qed jieħdu l-kolazzjon, inkella kienu għadhom f’kamrithom iħejju għall-ġurnata tal-bieraħ, jew saħansitra kienu fil-foyer jippreparaw biex joħorġu mil-lukanda.
F’daqqa waħda fid-daħla tal-lukanda nstemgħu numru ta’ tiri ta’ armi tan-nar.
L-isparaturi – kollox f’temp ta’ ftit sekondi – baqgħu jinstemgħu jiżdiedu u jersqu aktar viċin u kien proprju f’dan il-ħin li t-terroristi – li skont sorsi kienu bejn tnejn u tlieta – qatlu lill-gwardji tas-sigurtà li kienu fil-bieb tal-lukanda.
Rapporti jgħidu li nqatlu tliet membri tas-sigurtà, kif ukoll ħames persuni oħrajn, fosthom Libjani u Filippini, waqt li numru ta’ persuni oħra li jinkludu wkoll xi ħaddiema, sfaw feruti mit-tiri sparati.
Jirriżulta li fil-foyer tal-lukanda nqala’ paniku kbir, bit-terroristi jibqgħu sejrin dritt fid-direzzjoni tal-lifts u minn hemmhekk – fl-isfond ta’ aktar sparar – telgħu f’wieħed mis-sulari ta’ fuq, possibbilment fl-għoxrin sular fejn ħatfu kamra.
Sorsi li tkellmu magħna fissru li f’tensjoni kbira t-tmexxija tal-lukanda ħarġet lill-impjegati kollha ‘l barra, filwaqt li ħarġet ukoll lill-klijenti kollha li lkoll kienu taħt xokk kbir. Dawn ittieħdu f’post ieħor lil hinn mil-lukanda, meqjus bħala post sigur.
Il-binja tal-Corinthia, li tinsab fil-qalba tal-kapitali Libjana, kienet ċirkondata minn membri tal-Armata Libjana kif ukoll minn għadd kbir ta’ Pulizija li ma ħallew lil ħadd jersaq viċin il-lukanda.
Ftit ftit, il-membri tal-Armata u l-Pulizija organizzaw lilhom infushom biex jinfiltraw fil-binja tal-Lukanda u bdew jersqu lejn is-sular fejn kien hemm it-terroristi.
Minkejja r-rapporti mhux konfermati li t-terroristi kien irnexxielhom jieħdu lil xi persuni pajżana bħala ostaġġi – fosthom anki xi turisti – kelliem għall-kumpanija Corinthia fisser lil dan il-ġurnal li sa fejn jafu huma ma kien hemm ħadd ostaġġ f’idejn it-terroristi. L-istess kelliem serraħ ras kulħadd li ma kien hemm l-ebda Malti maqbud, jew inkella b’xi mod imweġġa’ bl-isparar.
Il-kelliem għall-Grupp Corinthia kompla li mill-informazzjoni miġbura jirriżulta li dawk li wettqu dan l-attakk kienu jafu tajjeb x’se jagħmlu kif ukoll kienu familjari mal-binja tal-lukanda. Dan għaliex kienu jafu tajjeb mhux biss fejn huma l-lifts, imma anki f’liema sular riedu jmorru wara li jkunu attakkaw l-entratura tal-lukanda.
Dan il-kelliem kompla jfissrilna li appena sar dan l-attakk fuq il-lukanda, il-maniġment tal-Corinthia ta’ Tripli għamilha prijorità assoluta li jevakwa lin-nies kollha, impjegati u klijenti. Din il-ħidma saret b’suċċess fi ftit tal-ħin biex hekk kien assigurat li saħħet kulħadd kienet taħt protezzjoni. Il-ħaddiema u l-persuni pajżana nħarġu mill-binja min-naħa ta’ wara tal-lukanda.
F’dawn il-mumenti bdew isiru wkoll għadd kbir ta’ telefonati biex fil-post jintbagħtu numru ta’ ambulanzi ħalli jieħdu l-feruti l-isptar, kif ukoll biex fil-binja jintervjenu l-Forzi tal-Ordni.
Sors ieħor li tkellem ma’ ‘In-Nazzjon’ fisser li dan l-attakk terroristiku fuq il-Corinthia ġab miegħu tensjoni kbira ħafna kemm ġewwa l-lukanda kif ukoll barra l-binja. Hu qal li fil-preżent l-okkupanza fil-lukanda hi waħda baxxa u ma jidhirx li fil-lukanda bħalissa hemm residenti xi rjus kbar jew xi diplomatiċi partikulari.
Hu kompla li aktar ma beda għaddej il-ħin, aktar il-membri tas-sigurtà u l-forzi tal-ordni Libjani kienu qed jarmaw lilhom infushom kontra t-terroristi li meta daħlu fil-binja dehru armati tajjeb mhux biss b’armi tan-nar, imma wkoll b’ilbies bullet proof.
Nifhmu li immedjatament wara li waslu fil-lukanda l-forzi tal-ordni, kienu elevati numru ta’ filmati mis-sistema tas-CCTV biex jgħinu fl-indentifikazzjoni tat-terroristi.
Kien għall-ħabta tas-1.30pm meta l-qawwiet Libjani intervjenew billi attakkaw lit-terroristi u f’konfront bl-armi magħhom assedjawhom fis-sular li kienu fih, u qatluhom. Jidher li jista’ jkun hemm xi membri tal-Armata Libjana li weġġgħu wkoll f’dan l-attakk li llibera lil-lukanda minn idejn it-terroristi.
Ftit tal-ħin wara l-bidu ta’ dan l-attakk fuq il-Corinthia, permezz ta’ tweet, membri tal-fergħa Libjana tal-Istat Iżlamiku (ISIS) ħadu r-responsabbiltà tal-attakk u għamluha ċara li l-iskop ta’ dan l-attakk terroristiku kien li jinqatlu diplomatiċi residenti fil-lukanda.
Imma s-sorsi li tkellmu magħna, filwaqt li rrijaffermaw li fil-lukanda bħalissa m’hemm l-ebda diplomatiku partikulari, żiedu li skont l-informazzjoni li għandhom mill-Pulizija u l-Armata Libjana mhux probabbli li l-messaġġ fuq Twitter kien wieħed ġenwin u l-probabbiltà hi li min wettaq dan l-attakk mhux membru tal-ISIS, imma membru ta’ xi organizzazzjoni fundamentalista oħra.
Fi tweet ieħor aktar tard, xi ħaddieħor f’isem l-ISIS sostna li dan l-attakk fuq il-lukanda Corinthia kien qed isir bi tpattija għall-mewt ta’ Abu Anas al-Libi, il-membru tal-organizzazzjoni terroristika al-Qaeda li kien qed jistenna biex jgħaddi ġuri fl-Amerika dwar l-attakki terroristiċi fuq l-Ambaxxati Amerikani fit-Tanżanija u l-Kenja fl-1998. Hu kien ġie arrestat minn commandos Libjani sentejn ilu, imma minkejja li ġie akkużat formalment, miet fi sptar fi New York aktar kmieni dan ix-xahar b’kanċer fil-fwied, ftit biss qabel ma kellu jibda l-ġuri.
Immedjatament malli ħarġet l-aħbar li l-Corinthia ta’ Tripli kienet taħt l-attakk, bdew mill-ewwel ħerġin ir-reazzjonijiet kemm f’Malta kif ukoll barra. B’dak li kien qed jiġri, jiġi rappurtat ukoll bi prominenza fil-media barranija.
Il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca, mill-Polonja fejn tinsab fuq żjara uffiċjali, ikkundannat l-attakk u esprimiet solidarjetà mal-vittmi u mal-ħaddiema Maltin, u t-tmexxija tal-lukanda Corinthia.
Il-President ta’ Malta appellat biex il-Maltin isegwu l-avviż ta’ vjaġġar maħruġ mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin, u ma jivvjaġġawx lejn il-Libja, u appellat ukoll għad-djalogu u l-paċi b’risq id-dinjità umana.
Fi stqarrija dwar dan l-attakk fuq proprjetà privata ta’ sidien Maltin, il-Gvern Malti qal li kien qiegħed isegwi mill-qrib ħafna dak kollu li kien qed jiġri fi Tripli, bil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin isostni l-appell maħruġ f’Awissu li għadda kontra kwalunkwe forma ta’ vjaġġar lejn il-Libja f’dawn l-aħħar żviluppi.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat, li kien fi Brussell, qal li kemm il-Gvern Malti kif ukoll is-Servizz tas-Sigurtà kienu qed jiġbru l-informazzjoni kollha dwar dak li kien qiegħed jiġri, iżda kien prematur li xi ħadd jislet xi konklużjonijiet dwar min seta’ wettaq dan l-attakk terroristiku.
Anke Simon Busuttil, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, fi Tweet dwar dan l-attakk terroristiku kkundanna bla ebda riservi dak li ġara u esprima solidarjetà mal-vittmi kollha.
Min-naħa tiegħu l-Partit Nazzjonalista, fi stqarrija maħruġa mix-Shadow Minister għall-Affarijiet Ewropej u Barranin Roberta Metsola u mill-Kelliem għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tal-Mediterran Tonio Fenech, ikkundanna l-attakk terroristiku. Il-PN qal li attakk “fuq l-għatba ta’ Malta” u fuq interessi ta’ negozju Malti fil-Libja hu ta’ inkwiet kbir. Dan juri li s-sitwazzjoni fil-Libja hi waħda fraġli u hemm bżonn tissaħħaħ il-pożizzjoni ta’ Malta kontra t-terroriżmu.
L-istqarrija qalet li l-Oppożizzjoni lesta tappoġġja lill-Gvern fl-appoġġ tiegħu għall-Unjoni Ewropea u għall-komunità internazzjonali biex jiġġieldu t-terroriżmu u jżarmaw networks terroristiċi. Il-PN ħeġġeġ lill-Gvern biex juża’ l-mezzi kollha diplomatiċi ħalli jiżgura li l-Maltin li jixtiequ jirritornaw pajjiżhom ikunu jistgħu jagħmlu dan b’mod sigur u biex l-awtoritajiet Libjani jagħtu l-protezzjoni meħtieġa lill-interessi Maltin fil-Libja.
Stqarrija oħra ħarġitha l-“Ahmadiyya Muslim Community” ta’ Malta li kkundannat b’qawwa l-attakk vjolenti fuq il-Corinthia ta’ Tripli u wkoll esprimiet solidarjetà mal-vittmi u mal-Grupp Corinthia. Qalet ukoll li qed titlob għas-sigurtà tal-ħaddiema u n-negozjanti Maltin kollha li jinsabu fil-Libja, kif ukoll għall-istaff tal-lukandi tal-Corinthia, imma anke għall-paċi fil-Libja.
Anke l-Unjoni Ewropea, permezz ta’ Federica Mogherini, Kap tal-Politika Barranija, tkellmet dwar dan l-attakk u sejħitlu “att ieħor ta’ terrur li huwa daqqa ta’ ħarta għall-isforzi għall-paċi u l-istabbiltà fil-Libja”. Waqt li esprimiet solidarjetà mal-vittmi, l-UE reġgħet tenniet l-appoġġ tagħha għat-taħditiet immexxija min-Nazzjonijiet Uniti biex tinstab soluzzjoni politika għall-kriżi fil-Libja, u qalet li attakki bħal dawn m’għandhomx jitħallew jimminaw dan il-proċess.