Lokali

L-attakk fuq il-Corinthia ta’ Tripli ma kienx attakk fuq Malta – l-ambaxxatur Libjan

L-ambaxxatur Libjan f’Malta, Hussin Musrati, f’laqgħa ma’ Alleanza Bidla fl-ambaxxata f’Ħal Balzan illum, saħaq li l-attakk li seħħ ilbieraħ fuq il-lukanda Corinthia fi Tripli ma kienx attakk fuq Malta jew fuq il-Maltin.

Ivan Grech Mintoff, f’isem Alleanza Bidla, tenna l-pożizzjoni tiegħu li l-Gvern Malti m’għandux jibqa’ jirrifjuta li jkollu djalogu mal-Gvern eżekuttiv tal-Prim Ministru Omar al-Hassi meta Malta għandha d-dmir li tibqa’ taħdem għall-paċi u tibqa’ newtrali. Grech Mintoff irringrazzja lill-Gvern Libjan għat-tweġiba immedjata tiegħu għall-attakk u għaliex ħadem biex il-Maltin fil-bini u barranin oħra ma jkunu f’ebda periklu. Saħaq li l-verità dwar l-attakk, inkluż min wettqu u għaliex, ikollha impatt importanti fuq Malta.