Minkejja li kien inawgurat aktar minn xahar ilu
Il-Gvern ma qalx u ma tax dettalji u informazzjoni dwar jekk hemmx kuntratturi li qed jaħdmu fuq il-bini u t-tlestija tal-Isptar tal-Onkoloġija qrib l-Isptar Mater Dei li waqgħu lura fix-xogħol kuntrattat lilhom.
Kien is-Segretarju Parlamentari Chris Fearne li qara t-tweġiba li ta l-Ministru għas-Saħħa u l-Enerġija, Konrad Mizzi, li għal darb’oħra ma kienx preżenti lbieraħ filgħaxija fil-Parlament fil-ħin tal-mistoqsijiet parlamentari fil-bidu tas-seduta.
Il-mistoqsija saret mix-Shadow Minister Claudio Grech, li staqsa wkoll li f’każ li hemm kuntratturi li waqgħu lura fix-xogħol, jelenka min huma, għal xiex kienu kkuntrattati, u fiex u b’kemm qegħdin tard fix-xogħol.
Ir-risposta bil-miktub tal-Ministru Konrad Mizzi kienet sentenza waħda f’erba’ kelmiet: “Risposta tingħata f’seduta oħra”. Dan minkejja li l-inawgurazzjoni uffiċjali tal-binja tal-Isptar il-ġdid tal-Onkoloġija diġà ġiet inawgurata uffiċjalment ftit jiem biss qabel il-Milied.
Għal aktar mistoqsijiet b’rabta mal-migrazzjoni ta’ kull dipartiment mill-Isptar Boffa, il-Ministru Konrad Mizzi wieġeb bil-miktub li d-Dipartiment tal-Paeditaric Outpatients u tal-Haematology se jlesti l-migrazzjoni lejn l-Isptar Sir Anthony Mamo f’April, waqt li l-kumplament tad-dipartimenti mistennija jirrilokaw f’Mejju.
Tfisser ukoll li parti essenzjali tal-proċess tal-migrazzjoni lejn iċ-Ċentru tal-Onkoloġija hi l-commissioning tal-apparat istallat li qed isir kemm minn esperti Maltin kif ukoll barranin.
In-numru ta’ sodod fl-Isptar Sir Anthony Mamo, li hu proġett ippjanat u li nbeda mill-amministrazzjoni Nazzjonalista u kien fi stadju avvanzat qabel l-elezzjoni li għaddiet f’Marzu tal-2013, se jkun ta’ 113.
Għandu jkun hemm ukoll 140 post ta’ parkeġġ għall-ħaddiema. Għaddejjin ukoll taħditiet mal-MUMN dwar il-kwistjoni li nqalgħet dwar il-parkeġġ tal-ħaddiema fl-Isptar tal-Onkoloġija.
//= $special ?>