Lokali

Malta b’reputazzjoni u Liġijiet mill-aqwa fl-industrija tal-gaming

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil identifika r-reputazzjoni mill-aqwa li Malta bniet fis-settur tal-gaming flimkien mal-Liġijiet tajbin li tħaddem bħala fattur ewlieni wara s-suċċess ta’ din l-industrja.

Is-settur tal-gaming kien diskuss waqt żjara li l-Kap tal-Oppożizzjoni għamel fil-kwartieri tal-kumpanija Maltco f’Ħal Lija, fejn kien milqugħ mill-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija Ioannis Katakis u ltaqa’ mal-ħaddiema.

Simon Busuttil qal li tul is-snin, Malta rnexxielha tibni reputazzjoni internazzjonali pożittiva fis-settur tal-gaming. Dan sar billi l-pajjiż implimenta leġiżlazzjoni serja li tikkumbatti l-betting illegali, li tant jikkaġuna ħsara. F’dan il-kuntest, Simon Busuttil tkellem dwar l-importanza ta’ leġiżlazzjoni b’saħħitha, anke fil-kuntest soċjali.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni sostna li fl-aħħar snin, is-settur tal-online betting żviluppa f’wieħed mis-setturi importanti għall-ekonomija Maltija, tant li Malta rnexxielha tattira lejha numru kbir ta’ kumpaniji barranin li stabilixxew l-operat tagħhom f’Malta.

F’dan is-settur, sostna Simon Busuttil, Malta rnexxielha tirbaħ ħafna kompetizzjoni internazzjonali. Dan kien ukoll dovut għall-kapaċitajiet tal-ħaddiema Malttn li integraw fl-industrija. Sostna li fl-Unjoni Ewropea, Malta għandha tibqa’ tiddefendi s-settur tal-online gaming biex tibqa’ fuq quddiem fl-industrija.

Għal din iż-żjara, il-Kap tal-Oppożizzjoni kien akkumpanjat mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Servizzi Finanzjarji, l-IT u l-Gaming Kristy Debono.