Futbol Sport

Marko Rajic bi prova ma’ Hibernians

Wasal f’Malta plejer ieħor barrani bi prova ma’ Hibernians.

Replay jista’ esklussivament jiżvela l-isem tal-attakkant Serb ta’ 23 sena Marko Rajic li dan l-istaġun kien qed jilgħab fl-ogħla diviżjoni fis-Sebja ma’ Sindelic Beograd. Magħhom lagħab tnax-il partita.

F’dawn l-aħħar staġuni lagħab fil-Premier League Serba ma’ żewġ klabbs oħra li huma Mladenovac u Teleoptik.

Fl-istaġun 2012/13 saħansitra lagħab fil-Kamponat Ungeriż ma’ Honved II, għalkemm lagħab biss erba’ darbiet f’dan il-kampjonat u skorja żewġ gowls.

Fil-passat Rajic lagħab ukoll mat-tim nazzjonali Serb ta’ taħt id-19-il sena.

Mistenni wkoll Belġjan

Intant is-sigħat li ġejjin mistenni jasal ukoll ir-raba’ plejer barrani ta’ Hibernians bi prova magħhom.

Dan se jkun Belġjan ta’ 24 sena u li preżentament qed jilgħab regolari ma’ klabb fit-tielet diviżjoni ta’ dan il-pajjiż.

Numru ta’ barranin jistgħu jħalli l-klabb

Teżisti possibilta’ li jista’ jiċċaqlaq il-Brażiljan ta’ Hibernians Jackson Lima li xejn m’hu kuntent li ma tantx qed ikun utiliżżat mill-kowċ Branko Nisevic.

Dan minbarra l-indikazzjonijiet li Tarabai jista’ jiċċaqalq f’Marzu hekk kif l-offerta li Hibernians irċivew minn klabb fil-Korea t’Isfel hija attraenti ferm u tagħmilha diffiċli li l-klabb jirrifjuta.

Kemm il-darba jitlaq Tarabai minn ma’ Hibernians, dan it-trasferiment jista’ jwassal għat-tluq ta’ plejers oħra Brażiljani fit-tim għaliex hu sigriet magħruf li teżisti familjarita’ kbira bejn il-Brażiljani ta’ Hibernians.

Iktar aħbarijiet mix-xena tal-futbol lokali fuq Replay (Net Television).