L-FA Ingliża mmultat lil Jose Mourinho £25,000 wara kummenti li għadda x-xahar l-ieħor meta qal li Chelsea huma vittma ta’ ‘kampanja’.
Il-manager ta’ Chelsea kien anke mwissi dwar il-kondotta tiegħu fil-futur għall-kummenti li kien għadda wara l-logħba kontra Southampton ix-xahar l-ieħor.
Il-Portugiż kien qal li l-liders tal-Premier kienu vittma ta’ “kampanja” biex tinfluwenza lir-referees wara li Anthony Taylor ħa isem Cesc Fabregas għal simulazzjoni meta l-midfielder Spanjol twaqqa’ minn Matt Targett fil-kaxxa.
Mourinho kien akkużat mill-FA aktar kmieni dan ix-xahar b’riżultat ta’ dawn l-akkużi u l-eks kowċ ta’ Real Madrid issa ġie mmultat.
Stqarrija fuq il-websajt uffiċjali tal-FA qalet, “ Wara s-smiegħ minn panel indipendenti, Jose Mourinho ġie mmultat £25,000 wara li nstab ħati li kiser ir-regolamenti relatati mal-kummenti fil-media. Il-manager ta’ Chelsea ċaħad li l-kummenti li għamel fit-28 ta’ Diċembru kienu ksur ta’ regolamenti jew li kienu mmirati lejn ir-referee jew referees u li waqqgħu l-logħba għar-redikolu. Il-panel iżda qal li l-kummenti tiegħu jiksru r-Regolament E3 tal-FA li ma kienux f’posthom u waqqgħu il-logħba għaż-żufjett.
Intant Mourinho ma riedx jidħol f’kontroversja dwar serje ta’ inċidenti li kellu ma’ Diego Costa wara rebħa 1-0 fis-semifinali tal-League Cup kontra Liverpool.
Wara l-logħba l-kummenti kollha ffokaw fuq l-attakkant Costa li rifes darbtejn f’żewġ taqsimiet lil Emre Can u Martin Skrtel.
“Ma rridx nitekellem dwar deċiżjonijiet. Jekk nitkellem dwar xi ħaġa irrid nitkellem dwar xi ħaġa li naf. Meta plejer iwaqqaf kontra-attakk b’idu, hi karta safra meta plejer jagħti bis-sieq fil-kaxxa hu penalty. Mhux se nitkellem dwar Costa u l-penalty li suppost kellu. Ħalluh jilgħab il-futbol. Jekk nitkellem in-nies jgħidu li Mourinho reġa’ tkellem u l-FA tipprova tikkastigani kif dejjem tipprova tagħmel. Naħseb aħjar li titkellmu inthom. Ma nafx għalfejn li anke meta nirbħu rrid nistaqsi lili nnifsi għalfejn. L-importanti li rbaħna. Final f’Wembley dejjem tfisser ħafna,” qal Mourinho.
//= $special ?>

