Internazzjonali

Qattusa ssalva b’miraklu wara sitt ġimgħat imwaħħla f’ċumnija

Qattusa li kienet lesta tagħmel minn kollox biex tidħol lura d-dar qattgħet sitt ġimgħat imwaħħla ġo ċumnija — mingħajr ilma u ukel — u fejn salvat biss b’miraklu.

Il-qattusa jisimha Chloe u l-każ seħħ f’Dorset, fir-Renju Unit, waqt li s-sidien tagħha, Marianne u Patrick Wood, kienu marru l-Vjetnam biex jaraw lil binhom.

Qabel siefret il-koppja Wood (it-tnejn pensjonanti) għamlu l-arranġamenti mal-ġirien biex jieħdu ħsieb il-qattusa fl-assenza tagħhom. Iżda Chloe iddejqet wara jumejn biss tgħix għand in-nies u ddeċidiet li tidħol lura d-dar ‘bis-sewwa jew bid-dnewwa’.

Fil-fatt il-qattusa ħarbet u qabżet dritt għal ġox-xaft taċ-ċumnija tad-dar tal-koppja Wood u bil-ġirien iwettqu tfittxija ddisprata għaliha li ma serviet għal xejn.

Kien biss ladarba Marianne u Patrick Wood waslu lura d-dar li solvew ‘l-għajbien misterjuż’ u ladarba semgħu l-għajjat tal-qattusa jidwu ‘minn ġol-ħajt’ li kien inbena quddiem fireplace f’kamra tas-sodda. Patrick, imbagħad, uża sikkina biex jagħmel ħofra fil-ħajt u sab lill-qattusa ‘qisha skeletru’ u qrib il-mewt, fejn lanqas felħet iżżomm fuq saqajha.

Meta ħaduha għand il-veterinarju hu ikkonferma li Chloe, li kienet qed tbati wkoll minn dehydration, kienet tilfet aktar min-nofs il-piż li kellha. Il-qattusa, imbagħad, tpoġġiet mal-ewwel fuq drip, filwaqt li temgħuha l-ammonti żgħar tal-ikel biex hi tirkupra saħħitha. B’xorti tajba, l-istorja kellha tmiem feliċi u Chloe, illum, tinsab lura d-dar, qawwija u sħiħa.

Il-vet li ħa ħsiebha hu sorpriż ħafna li l-qattusa ġiet tagħha fi żmien daqstant qasir wara dak kollu li għaddiet minnu filwaqt fisser il-każ tagħha bħala wieħed ‘straordinarju’