Tfajla minn Bormla, li llum hi maġġorenni, riċentement fetħet qalbha ma’ dawk li kienu qed irabbuha li għal bosta snin kienet qed tkun sfruttata minn persuna minn Bormla li kien jieħodha f’postijiet differenti u jġiegħelha tagħmel atti żienja miegħu.
Min-naħa tagħhom, il-Foster Carers tat-tfajla rrappurtaw mill-ewwel il-każ lill-Pulizija, li bdew bl-investigazzjonijiet tagħhom u bagħtu fost l-oħrajn għall-Bormliż biex interrogawh.
Jirriżulta li wara investigazzjonijiet intensivi, ir-raġel ċeda u stqarr il-verità kollha, fis-sens li veru li għal ħafna snin kien qed ikollu rapport sesswali mat-tifla taħt l-età. Jirriżulta li r-rapporti bejn ir-raġel u t-tifla bdew meta din kellha biss tlettax-il sena.
L-istorja baqgħet għaddejja sa ma t-tifla saret tfajla u saħansitra għalqet it-18-il sena. Kull darba, ir-raġel kien jiltaqa’ mal-vittma f’postijiet differenti, bosta drabi f’Bormla stess, biex jagħmel atti sesswali magħha.
Hu mifhum li meta r-raġel kien interrogat mill-Pulizija, hu fisser il-punt tiegħu li dak kollu li sar bejnu u bejn il-vittma kien bil-kunsens tagħha. Madankollu, il-pożizzjoni tal-Pulizija f’dawn l-investigazzjonijiet kienu ċaru ħafna minħabba l-fatt li t-tifla kienet għadha taħt l-età sew.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija ntemmu aktar kmieni din il-ġimgħa u r-raġel, li ismu ma jistax jissemma’ fuq ordni tal-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Marsienne Farrugia, tressaq il-Qorti kmieni llum waranofsinhar.
Hu kien akkużat mill-Ispettur Josric Mifsud li fis-snin li għaddew ikkorrompa tfajla minorenni u li pparteċipa magħha f’atti sesswali f’diversi postijiet meta t-tfajla kellha anqas minn 18-il sena.
Ir-raġel, li wieġeb mhux ħati, ingħata l-libertà proviżorja fuq depożitu ta’ €750 u garanzija personali ta’ €10,000. Għalih qed jidhru l-Avukati Pawlu u Alexander Lia.
//= $special ?>