Serb ta’ 33 sena residenti San Pawl il-Baħar ġie mixli quddiem il-Maġistrat Marsanne Farrugia li bejn id-19 u l-20 ta’ Jannar li għadda seraq aktar minn €1,200 f’sigaretti għad-dannu ta’ Joseph Tanti meta kisser il-magna ta’ kiosk li jinsab fi Triq il-Qawra f’San Pawl il-Baħar.
Dejan Petkovic kien twaqqaf mill-Pulizija wara diversi jiem ta’ osservazzjoni minħabba suspett li kien qed jieħu sehem f’xi attività kriminali.
Fil-karozza tiegħu, tat-tip BMW, instab gass tad-dmugħ u butterfly knife, kif ukoll ingwanti u affarijiet oħrajn mingħajr liċenzja jew il-permess tal-Kummissarju tal-Pulizija. Hu ġie mixli wkoll li l-karozza li kien qed juża ma kienitx koperta b’polza tas-sigurta’.
Minn aktar investigazzjoni fuq is-Serb, il-Pulizija qalet li solviet każ ieħor ta’ serq. Fil-fatt, Petkovic ġie mixli wkoll li bejn il-25 u s-26 ta’ Ottubru 2013 seraq ammont ta’ aktar minn €2,333 għad-dannu tal-familja Macheda minn residenza f’Birkirkara, kif ukoll li laqa’ għandu ħwejjeġ misruqa.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi James Grech u Carol Fabri.
//= $special ?>

