Babysitter f’Texas kienet qed tbiddel nappy ta’ tarbija, meta stagħġbet hekk kif semgħet vuċi barranija ħierġa mill-monitor tat-tarbija.
Ashley Stanley minn Houston, li hi babysitter professjonali, malajr skopriet li xi ħadd daħal fis-sistema ta’ sorveljanza installata fid-dar ta’ min iħaddimha u kienet qed tispjuna lilha u lit-tarbija Samantha, ta’ sena, li kienet qed tieħu ħsieb.
Ftit tal-ħin wara, il-babysitter inħasdet minn vuċi ta’ raġel li kellimha u kkummenta dwar l-azzjonijiet tagħha.
Ashley Stanley, għall-ewwel ħasbet li min kien qed iħaddimha kien qed jagħmlilha ċajta, iżda wara rrealizzat li dan ma kienx il-każ.
Il-babysitter fissret kif il-vuċi bdiet tgħidilha kemm it-tarbija hi ħelwa u bdiet tibza’ li kien hemm min kien qed jaraha. Il-babysitter qalet li l-vuċi bdiet tgħidilha biex ikun aħjar għaliha li tagħti password lill-kamera.
Is-sistema tas-sigurtà, manifatturata minn kumpanija bl-isem ta’ Foscam, kienet installata mill-ġenituri ta’ Samantha sabiex binthom tkun sorveljata waqt li huma jkunu x-xogħol. U dan bl-użu tal-ismartphones tagħhom.
Il-familja kellha l-impressjoni li l-kamera jkollha biss aċċess għal app tal-mowbajl meta l-ismartphones tal-ġenituri kienu fuq in-network. Iżda milli jidher dan ma kienx il-każ.
Jidher li l-persuna li ssindika lil Ashley Stanley u liċ-ċkejkna Samantha, daħlet fis-sistema tas-sorveljanza permezz tal-hacking – każ li jista’ jikkostitwixxi reat federali.
Minn dakinhar ‘il hawn, Stanley u l-ġenituri tat-tarbija skonnettjaw il-kamera sabiex ikunu ċerti li ħadd ma jispjuna lit-tarbija.
//= $special ?>