Editorjal

Bejn il-wegħdi u l-imwiet fil-kurituri tal-isptar

Ma laħaqx intemm l-attentat tal-Gvern Laburista biex jipprova jagħlaq ħalq l-Oppożizzjoni fuq l-imwiet fil-kurituri tal-isptar billi anke nqeda b’mod mill-aktar baxx bil-familja ta’ waħda minn dawk li mietu fil-kurituri li ma mietx pazjent ieħor għal darb’oħra fil-kurituri tal-isptar.

Il-mediċini lanqas biss fl-ispiżerija, aħseb u ara wara l-bieb tad-dar

F’dan is-settur kruċjali, dal-Gvern wiret investiment kbir mill-Gvern ta’ qablu speċjalment bil-Mater Dei u issa bl-isptar il-ġdid tal-kanċer, kollu frott tal-investiment tal-Gvern Nazzjonalista. U l-Labour għamel numru ta’ wegħdi li qartashom f’karta sabiħa ħafna qabel l-elezzjoni, bħat-tmiem tal-waiting lists fl-isptar u l-mediċini tal-Gvern mhux talli fl-ispiżerija tal-għażla tiegħek talli wara l-bieb tad-dar.

Tmexxija dilettantesta bħat-tinda tal-ebola li ħadha r-riħ

Minkejja dal-wegħdi, f’dawn is-sentejn smajna ħafna aħbarijiet ħżiena mill-isptar u anke fis-sitwazzjoni tal-mediċini li lanqas biss jinsabu fl-ispiżerija aħseb u ara miġjubin wara l-bieb tad-dar. U l-Gvern suppost jaf li fix-xitwa jkun hawn l-influwenza, imma fl-isptar bħalissa hemm iffullar enormi: ħafna nies fil-kurituri, kollha mħalltin, kulħadd mitfugħ fuq xulxin u bla ebda privatezza għal ħadd. Tmexxija dilettanteska li diġà kienet irriżultat f’tinda għall-ebola li ħadha miegħu r-riħ.

Mara tmut fil-kurituri tal-Isptar, u ma kinetx l-ewwel waħda

U agħar. Meta mietet mara f’kuritur tal-isptar, din ma kinetx l-ewwel darba f’dawn l-aħħar sentejn. Mietet f’kuritur nieqes mill-apparat bażiku tas-saħħa, mingħajr il-privatezza u bla ebda dinjità fil-mument ta’ mewtha. Il-Gvern mill-ewwel mar għall-propaganda għax jidher li ħafna Ministri mhux daħlu fil-politika biex iservu n-nies imma biex jisservew huma u biex jirbħu dik li mingħalihom logħba tal-propoganda. Quddiem mewt bla dinjità tort in-nuqqas ta’ kura bażika f’kutirur, il-Gvern messu ammetta x’qed jiġri u fittex soluzzjoni. Minflok, inqeda bil-familja tal-mejta biex il-mewt tal-qariba tagħhom jgħattiha – mingħalih – bil-propoganda.

Wara l-logħba tal-propoganda, issa jmut ieħor fil-kurituri tal-isptar

Ma laħqitx intemmet il-logħba tal-propoganda tal-Gvern wara mewt ta’ pazjenta fil-kurituri li ma mietx raġel ieħor f’kuritur ieħor. Dan hu l-livell li niżel fih dal-Gvern: flok mixgħuf ifittex soluzzjoni, kuntent bil-propoganda u jirrepeti l-iżball. Il-Gvern li wiegħed l-accountability jipprova jinqeda b’familja ta’ mejta biex jaħrab mir-responsabbiltà tiegħu u jirrepeti eżatt l-istess mewt.

Se jagħti mqar il-bażiku tal-kura? Se jagħti mqar id-dinjità fil-mument tal-mewt?

Flok fis-saħħa qed nitkellmu fuq it-tmiem tal-waiting lists imwiegħed minn dal-Gvern, flok qed nitkellmu fuq il-provvista tal-mediċini sa wara l-bieb tad-dar imwegħda minn dal-Gvern, issa spiċċajna nitkellmu fuq nies – diversi – imutu fil-kurituri tal-Isptar fejn lanqas biss hemm il-bażiku tal-kura. Spiċċajna nitkellmu fuq in-nuqqas ta’ dinjità mqar fil-mument tal-mewt tagħhom. Meta se jibda dal-Gvern, flok jilgħab il-logħba tal-propoganda u jinqeda bin-nies, jagħti lin-nies il-kura bażika tas-saħħa u d-dinjità li ħaqqu kulħadd?