“Il-Partit Nazzjonalista jemmen li għandu jirrispetta l-art limitata Maltija għall-ġenerazzjoni tal-lum u ta’ għada – u dan b’bilanċ u kunsens dwar dan is-settur tant importanti”. Kien dan il-messaġġ tal-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil meta lbieraħ filgħaxija kien qed jindirizza l-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi (MDA).
Fid-diskors tiegħu, il-Kap tal-Oppożizzjoni semma’ numru ta’ oqsma li għandhom x’jaqsmu mal-ambjent u l-iżvilupp, fejn spjega li l-iżviluppaturi għandhom dritt ikunu jafu x’inhi l-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista dwarhom. Fost dawn hemm is-separazzjoni tal-ambjent u l-ippjanar fi ħdan il-MEPA, il-Pjan Strateġiku dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp, il-Pjani Lokali u anke żvilupp f’żoni żviluppati diġà.
Simon Busuttil wiegħed li fiż-żmien li ġej, il-Partit Nazzjonalista se jimxi b’konsultazzjoni, flessibbiltà u bilanċ mas-settur tal-iżvilupp.
Waqt il-Laqgħa Ġenerali Annwali, ġet ikkonfermata t-tmexxija tal-MDA, b’Sandro Chetcuti kkonfermat bħala President. Ġew approvati wkoll żewġ mozzjonijiet: waħda biex tiżdied il-miżata ta’ sħubija u oħra biex mil-Laqgħa Ġenerali Annwali li jmiss, il-Kunsill jibda jiġi elett għal terminu ta’ sentejn.
Il-Laqgħa Ġenerali Annwali ġiet indirizzat wkoll mill-Prim Ministru Joseph Muscat, li min-naħa tiegħu saħaq li l-Pjan Strateġiku dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp għandu jkun biss il-qafas biex iħalli flessibbiltà għall-ġenerazzjonijiet futuri ħalli jieħdu d-deċiżjonijiet li jaħsbu li jkunu l-aħjar għal żmienhom.
//= $special ?>