Il-midfielder internazzjonali Malti ta’ 18-il sena Juan Corbolan ħalla Malta biex jiffirma kuntratt ma’ Virtus Lanciano fis-Serie B. Hu se jifforma parti mill-Primavera tal-klabb b’self mingħand Balzan għas-sitt xhur li ġejjin, bil-klabb Taljan li għandu l-għażla jagħmel it-trasferiment wieħed permanenti fl-aħħar tal-istaġun.
Intant il-President Onorarju ta’ Balzan FC Anton Tagliaferro qal li dan it-trasferiment hu l-bidu ta’ kollaborazzjoni kbira bejn iż-żewġ klabbs li għandha tħalli aktar frott fil-futur.
Kompla li t-trasferiment ta’ Corbolan kien possibli bil-ħidma tal-kowċ Oliver Spiteri li fl-aħħar xhur bena relazzjoni mill-qrib ma’ Lanciano u li permezz tagħha aktar plejers mill-akkademja ta’ Balzan se jkollhom din l-opportunità fis-snin li ġejjin.
Balzan għandhom ukoll relazzjoni mill-qrib mal-Milan Soccer School u Prato FC.
Sorsi nfurmati sew żvelaw ma’ dan is-sit li d-Direttur Sportiv ta’ dan il-klabb, Franco Di Battista kellu kliem ta’ tifħir għaż-żagħżugħ Malti u mhux eskluża l-possibilta’ li dan l-istaġun naraw lil Corbolan jilgħab fis-Serie B fl-Italja hekk kif SS Virtus Lanciano qed jaspiraw għal promozzjoni fis-Serie A. Preżentament huma jinsabu fis-sitt post tas-Serie B.
Din l-aħbar kienet żvelata minn Replay (Net Television).
//= $special ?>

