Internazzjonali

Fighter jets maħsuba terremot

Ħoss qawwi qisu ta’ splużjoni, segwit minn tregħid tal-ħġieġ, wassal lil ħafna nies qrib Firenze u Bologna fl-Italja biex jaħsbu li seta’ seħħ terremot ieħor tant li skola partikolari daqqet is-sirena tal-allarm biex it-tfal joħorġu fit-triq.

Is-sitwazzjoni marret lura għan-normal ftit tal-ħin wara hekk kif l-awtoritajiet ikkonfermaw li kull ma kien, kienu żewġ ajruplani fighter jets li għaddew b’veloċità qawwija mit-Turkija għall-Iżvizzera, u li ma laħqux ikkuntattjaw lill-kontrolluri tal-ajru fl-Italja. Imma hekk kif saret komunikazzjoni bejniethom, anke l-awtoritajiet ħadu r-ruħ.

Ħafna kienu dawk li ċemplu lill-Carabinieri jew lill-Pulizija biex jaraw x’kien seħħ, speċjalment għaliex qrib Bologna kien hemm ukoll ħelikopter militari jdur fuq iż-żona. Ħafna ħasbu li setgħet seħħet xi traġedja meta l-ħelikopter kien qed jaħdem fuq missjoni ta’ kontra l-mafja ‘ndrangheta.