Mistoqsijia lill-Ministri kollha tal-Gvern ilha minn Ottubru biex titwieġeb
Id-Deputat Nazzjonalista Frederick Azzopardi kritika lill-Gvern fil-Parlament li bil-mod li bih il-ministri tal-gvern qed iwieġbu l-mistoqsijiet parlamentari, xejn ma juri li l-Gvern hu trasparenti.
Meta tkellem fil-ħin tal-Aġġornament, il-Kelliem dwar l-Affarijiet għal Għawdex, qal li n-nuqqas ta’ informazzjoni jew informazzjoni skorretta saret l-ordni tal-ġurnata fix-xogħol tal-Gvern fil-Parlament.
Id-Deputat Nazzjonalista ta eżempji ta’ mistoqsijiet mhux imwieġba mill-Ministri tal-Gvern, mistoqsijiet parlamentari oħrajn li damu x-xhur biex ikunu mwieġba tant li kellhom isiru mistoqsijiet oħrajn biex fl-aħħar tingħata xi forma ta’ tweġiba.
Semma wkoll b’diversi eżempji, kif saret ukoll ir-regola li fir-rigward ta’ diversi mistoqsijiet b’rabta ma’ Għawdex, ma tingħatax l-informazzjoni, u r-risposti jkunu ġeneriċi b’mod li ma tingħatax l-informazzjoni mitluba għaliex il-Gvern ikun irid jaħbi u mhux jagħti l-informazzjoni.
Irrifera għal mistoqsijiet parlamentari li għamel lill-Prim Ministru u lill-Ministri kollha fl-14 ta’ Ottubru tas-sena l-oħra, biex jgħidu liema huma l-bordijiet li jaqgħu taħt id-dekasteri tagħhom, u kemm hi l-ispiża tal-ħatriet fuq dawn il-bordijiet u kemm se tkun l-ispiża fis-sena kurrenti.
Ir-risposta fl-aħħar ta’ Ottubru kienet li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Semma kif fit-13 ta’ Jannar li għadda, reġa’ għamel l-istess mistoqsija biex jingħata tweġiba, bit-tweġiba tkun l-istess. Frederick Azzopardi qal li din hi mistoqsija li l-Ministri kollha qed jaħarbu minnha, u dan wara tliet xhur biex titwieġeb.
Fakkar li fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista kien hemm wegħda li se jonqsu l-bordijiet u l-membri tal-bordijiet biex jiġu ffrankati spejjeż żejda. Frederick Azzopardi qal li jifhem li jista’ jkun li qed jaħarbu din il-mistoqsija għaliex il-bordijiet u l-membri fihom, żdiedu u mhux naqsu.
Għamel riferenza wkoll għal diversi mistoqsijiet parlamentari li għamel dwar it-tmexxija tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, u qal li minkejja l-mistoqsijiet ripetuti li jsiru, l-informazzjoni tibqa’ ma tingħatax jew ma tingħatax kollha.
Irrimarka li b’mod sfaċċat u b’ingann, dan il-Gvern qiegħed jieħu l-mertu ta’ xogħlijiet u proġetti li nbdew mill-amministrazzjoni Nazzjonalista, iżda għaliex spiċċaw taħt dan il-Gvern qiegħed iqishom bħala proġetti li wettaqhom hu.
Aktar mistoqsijiet saru b’rabta mal-proġett ta’ pixxina f’Għawdex ippjanat mill-Gvern preċedenti. Frederick Azzopardi spjega li se jkunu għaddew sentejn bil-Gvern ikun għadu għamel biss studji meta kien hemm pjan dwar dan il-proġett.
Irrifera wkoll għad-dokument ta’ simplifikazzjoni li ppubblika l-Uffiċċju tal-Prim Ministru għall-2014, u fisser li f’Għawdex saret miżura waħda biss – dik dwar il-pagament tas-sussidju lill-istudenti Għawdxin li qed isegwu kors postsekondarju f’Malta, u li issa se jibda jsir fil-kont bankarju tal-istudenti.
//= $special ?>