Kunsilli Lokali Lokali

Il-Bord ta’ Gvernanza Lokali jwaqqaf żewġ kuntratti tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Lija

Il-Bord ta’ Gvernanza Lokali investiga allegazzjonijiet dwar ksur ta’ regoli ta’ infiq ta’ fondi pubbliċi mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Lija u ordnalu jwaqqaf żewġ kuntratti li kien ta.

L-ewwel każ jitratta x-xiri ta’ ilma bil-bowser meta fir-raħal hemm kwantità ta’ ilma tax-xita li jinġabar f’ġibjuni. Dan beda jseħħ minn Mejju tal-2013 wara li ġibjun instadd wara xogħlijiet fi Vjal it-Trasfigurazzjoni u minkejja li kienu nġabru l-kwotazzjonijiet biex isir ix-xogħol ta’ tiswija, dan baqa’ ma sarx. Il-Bord ta’ Gvernanza qabel mar-rakkomdandazzjonijiet tal-Monitoring Unit fi ħdan id-Dipartiment tal-Gvern Lokali u rrakkomanda li x-xiri tal-ilma bil-bowser jieqaf immedjatament waqt li l-kunsill għandu jsib soluzzjoni għat-tul.

Il-każ l-ieħor jitratta s-servizz ta’ konsulent li l-Kunsill Lokali beda juża minn Ġunju tal-2013 mingħajr ma ħareġ tender jew ġabar kwotazzjonijiet. Anke f’dan il-każ, il-Bord ta’ Gvernanza qabel mal-Monitoring Unit li l-ammont ta’ flus imħallas lill-konsulent jaqbeż il-limitu ta’ flus li jistgħu jingħataw b’ordni diretta. Għalhekk, anke f’dan il-każ, talab li s-servizz jitwaqqaf mill-ewwel u jekk tinħass il-ħtieġa, għandha tinħareġ sejħa għall-kwotazzjonijiet jew għall-offerti.

L-allegazzjonijiet kienu saru mill-kunsillier Laburista Marc Sant.