Il-Bord tal-Gvernanza, f’każ imqajjem mill-kunsillier Nazzjonalista tal-Fgura Charles Bonello, appella biex meta kunsill lokali jsejjaħ laqgħa urġenti mil-lum għall-għada, il-kunsillieri jiġi avviċinati bit-telefon u b’hekk tinġibdilhom l-attenzjoni għal-laqgħa biex ma jkunx hemm min ma jkollux l-okkażjoni jara l-email u ma jkunx infurmat fil-ħin.
Il-każ qam wara lment minn Charles Bonello wara li tniżżel bħala “assenti” għal-laqgħa tal-kunsill lokali tal-5 ta’ Novembru li għadda. Bonello ma kienx attenda l-laqgħa tal-kunsill għax ma kienx laħaqx ra l-email li kienet intbagħtet lejliet. L-għada tal-laqgħa kien talab lis-Segretarju Eżekuttiv tal-kunsill lokali biex jiġi “skużat” imma skont il-liġi, kellu jagħmel dan qabel il-laqgħa mhux l-għada.
Charles Bonello lmenta wkoll li dak li seħħ miegħu kien bil-maqlub ta’ dak li kien ġara fil-konfront ta’ kunsillier ieħor meta l-assenza tiegħu kienet ġiet imdawra fi “skużat”.
Dwar iż-żewġ ilmenti, il-Bord iddeċieda li l-liġi dwar dan hi ċara u la l-minuti tal-kunsill kienu ġew approvati, ma setgħux jinbidlu. Appella biex talbiet biex kunsilliera jkunu skużati jiġu annessi mal-minuti tal-laqgħa waqt li ħeġġeġ iktar għaqda fost is-Segretarju Eżekuttiv, il-ħaddiema u l-kunsillieri biex jiġu evitati battibekki bla bżonn.
//= $special ?>