Lokali

Il-PN itenni l-appell: il-Gvern irid iraħħas il-prezzijiet tal-fjuwil b’mod immedjat u sostanzjali

Il-Gvern għandu jraħħas il-prezz tal-petrol u d-diesel b’mod immedjat u b’mod sostanzjali.

Qalet dan ix-Shadow Minister għall-Ambjent, l-Enerġija u t-Trasport Marthese Portelli, f’konferenza tal-aħbarijiet li matulha l-Oppożizzjoni tat stampa ta’ kif ir-roħs tal-prezz taż-żejt wassal għal roħs fil-prezz tal-petrol u d-diesel madwar l-Ewropa. Dan kuntrarju għal dak li qed jiġri f’pajjiżna fejn il-konsumatur Malti mhux igawdi minn dan ir-roħs tant li f’pajjiżna qed inħallsu l-ogħla prezz għad-diesel u l-petrol fl-Ewropa mingħajr ma tkun ikkalkulata t-taxxa u t-tielet l-ogħla prezz bit-taxxa.

Marthese Portelli spjegat li f’sitt pajjiżi fl-UE l-prezz tad-diesel huwa ta’ inqas minn ewro għal kull litru. Dan ifisser li f’pajjiżna qed inħallsu 35% u iktar għad-diesel minn kemm qed jitħallas f’dawn il-pajjiżi.

L-istess qed jiġri għall-petrol fejn f’ħames pajjiżi fl-UE l-petrol qed jinbiegħ b’inqas minn ewro li jfisser li f’Malta qed inħallsu madwar 42% iktar minn dawn il-pajjiżi.

Kuntrarju għal dak li ġara f’dawn il-pajjiżi, illum, sitt xhur wara li l-prezz taż-żejt beda nieżel b’mod drastiku, il-Gvern ta’ Joseph Muscat għadu ma ħax azzjoni dwar il-prezzijiet tal-fuels u lanqas biss stabilixxa data biex tkun diskussa l-mozzjoni tal-Oppożizzjoni dwar ix-xiri tal-Fuels.

Fid-dawl ta’ dan kollu, l-Oppożizzjoni qed issejjaħ lill-Gvern biex iraħħas il-prezz tal-petrol u d-diesel b’mod immedjat u sostanzjali biex ir-roħs fil-fuels jgħaddi għand il-konsumatur Malti. L-Oppozizzjoni qed tagħmel din it-talba partikolarment minħabba li l-prezzijiet għolja tal-fuels qed jolqtu ħażin lil min juża l-fuels b’mod regolari.

Mistoqsija dwar il-hedging, Marthese Portelli qalet li l-Oppożizzjoni ma tafx kif il-Gvern wasal għal dawn il-prezzijiet tal-Fuels, daqs kemm ma jafux l-imsieħba socjali li saħansitra għamlu talba lill-Gvern biex is-suġġett tal-prezz tad-diesel u l-petrol jiġi diskuss fl-MCESD.