Kultura Lokali

Imnedija esebizzjoni tal-arti fid-Dar Ċentrali

“Irridu niftħu l-bibien tagħna għall-artisti u dawk kollha nvoluti fil-qasam tal-kultura. Irridu li d-Dar Ċentrali tkun id-dar tal-kultura.”

Kien b’dan il-mod li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil inawgura esebizzjoni ta’ numru ta’ biċċiet tal-arti fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista. Simon Busuttil rringrazzja lill-artisti kollha li qed jipparteċipaw fil-wirja filwaqt li tenna l-impenn tiegħu biex ipoġġi l-kultura fuq quddiem tal-politika tal-Partit Nazzjonalista.

Il-wirja tinkludi numru ta’ biċċiet t’arti minn diversi artisti Maltin, b’Sergio Muscat u Therese Debono jpoġġu għall-wiri numru ta’ ritratti fotografiċi, bl-iskultur Ray Azzopardi jpoġġi għall-wiri numru ta’ skulturi li naqqax. L-esebizzjoni tinkludi wkoll biċċiet t’arti mill-artisti Anna Grima, Anna Galea u David Xuereb; b’dan tal-aħħar b’xogħol fuq il-ħġieġ.

Waqt it-tnedija tal-esebizzjoni li għaliha attendew numru ta’ persuni nvoluti fil-qasam kulturali Malti, tkellem ukoll l-organizzatur ta’ din l-esebizzjoni; Francis Zammit Dimech li faħħar il-kwalita’ tax-xogħol imqiegħed għal din l-esebizzjoni filwaqt li awgura li din l-attivita’ tibqa’ ħajja fil-Partit Nazzjonalista.

Il-pubbliku hu mistieden iżur il-wirja fil-Foyer u l-ewwel sular tad-Dar Ċentrali.