Internazzjonali

Interċettati bombers Russi fir-Renju Unit

Ajruplani tal-gwerra Britanniċi interċettaw żewġ bombers tar-Russja li kienu qed itiru lejn in-Nofsinar ta’ Bournemouth u baqgħu jsegwuhom sakemm ħarġu mir-reġjun.

Il-bombers inkwistjoni, tat-tip ‘Bear’, għandhom il-kapaċita li jġorru l-missili nukleari u l-ajruplani Britanniċi, tat-tip Typhoon, tant segwewhom minn viċinanza ta’ xi 300 metru li setgħu jwasslu s-sinjali lill-bdoti Russi.

It-Typhoons tal-RAF li wieġbu għall-allert kienu telgħu mill-bażijiet ta’ Lossiemouth, fl-Iskozja u Coningsby, f’Lincolnshire.

Sadanittant, l-esperti qalu li d-deċiżjoni tal-President Russu, Vladimir Putin, biex jibgħat l-ajruplani bil-kapaċita li jġorru l-missili ‘cruise’ daqstant qrib it-territorju tar-Renju Unit jista’ jitqies bħala ‘att ta’ aggressjoni’.

Il-manuvra bil-bombers setgħet kienet intiża biex ‘tanalizza r-reazzjoni tal-RAF’, fost l-inkwiet li r-Russi jistgħu qed jippruvaw isibu xi ħjiel ta’ ‘vulnerabbilta’ fil-qawwiet tal-ajru Britanniċi.