Lokali

Ir-Russja tikkundanna l-attakk fuq il-Corinthia

Il-Gvern Russu, permezz ta’ stqarrija tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin pubblikata f’Malta wkoll mill-Ambaxxata Russa, ikkundanna b’qawwa l-attakk terroristiku ta’ nhar it-Tlieta fuq il-lukanda Corinthia li fih inqatlu mill-inqas għaxra min-nies fosthom ċittadini Libjani, Amerikani u Franċiżi waqt li ndarbu serjament ħafna oħrajn.

L-istqarrija tinnota li dan l-attakk twettaq meta f’Ġinevra għaddejjin taħditiet bejn il-fazzjonijiet differenti Libjani u mmexxija mill-Mibgħut Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti Bernardino Leon, li huma mmirati biex tinstab soluzzjoni għall-kriżi politika fil-Libja, u jintlaħaq qbil fuq Gvern ta’ Għaqda Nazzjonali bl-iskop ukoll li tintemm il-vjolenza mdemmija fil-pajjiż.

Il-Gvern Russu qal li fil-linja tal-pożizzjoni tar-Russja favur l-integrità territorjali tal-Libja, ir-Russja tirrijafferma l-appoġġ tagħha għal dawn it-taħditiet, waqt li kkummenta li din il-kriżi politika u militari fil-Libja oriġinat mill-intervent militari tan-NATO b’dak li l-Gvern Russu ddeskrivih bħala indħil fl-affarijiet interni tal-pajjiż.

Ir-Russja qalet li n-nuqqas ta’ Gvern Ċentrali fil-Libja ddeterjora l-affarijiet u huwa kaġun ta’ dan li l-Libja qed tiffaċċja problemi kbar ta’ sigurtà li min-naħa tagħhom qed jagħtu spazju lill-gruppi estremisti li jżidu l-attività tagħhom b’aktar attakki fuq persuni ċivili u fuq l-istituzzjonijiet pubbliċi u tal-istat kif ukoll fuq missjonijiet diplomatiċi barranin.