Separatisti favur l-unjoni mar-Russa fil-Lvant tal-Ukrajna stqarrew li huma kważi ċċirkondaw lill-forzi tal-gvern Ukren f’belt strateġika.
Eduard Basurin, mexxej militari tas-separatisti, qal li t-triq prinċipali li tgħaqqad il-belt ta’ Debaltseve ma’ zoni kkontrollati mill-Ukreni, spiċċat f’idejn is-separatisti.
Andrij Lysenko, kelliem għall-militar Ukren, ikkonferma li Debaltseve hi mdawwra minn żewġ naħat u qed tkun assedjata minn rockets tat-tip Grad.
Uffiċjali oħrajn ċaħdu li forzi tal-gvern kienu viċin li jċedu u sostnew li l-istqarrijiet tas-separatisti kienu esaġerati.
Il-belt ta’ Debaltseve, li tinsab bejn Donetsk u Luhansk, il-kapitali provinċjali kkontrollati mis-separatisti, hi waħda minn diversi siti fejn qed isir ġlied li intensifika fl-aħħar ġimgħat f’dak li l-White House f’Washington fissritu bħala “offensiva appoġġjata mir-Russja” li qed titwetta mis-separatisti.
L-awtoritajiet Ukreni fi Kiev u l-komunità internazzjonali qed jgħidu li l-attakki mis-separatisti jmorru kontra ftehim għal waqfien mill-ġlied li kien iffirmat f’Settembru f’Minsk, fil-Belarus. L-attakki jnaqqsu ċ-ċansijiet biex il-konflitt jintemm – konflitt li ħasad il-ħajja ta’ aktar minn 5,000 persuna minn April.
//= $special ?>