Nhar il-Ġimgħa 13 u s-Sibt 14 ta’ Frar, l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta se tippreżenta il-kunċert oriġinali ‘Disney Live in Concert’, f’Dar il-Mediterran.
Din l-idea, li l-Orkestra Filarmonika tingħaqad ma’ kor tat-tfal u l-kumpanija Disney, intlaqgħet tant tajjeb li ż-żewġ spettakli li kienu ppjanati diġa’ huma sold out. Kien għalhekk li ġie deċiż li l-ispettaklu, li s-Sibt kien ippjanat li jittella’ biss wara nofsinhar, issa se jsir ukoll fl-istess ġurnata filgħaxija.
Dawn l-iljieli maġiċi se jinkludu repertorju minn films ta’ Disney bħal Aladdin, The Lion King, Pirates of the Caribbean, kif ukoll kanzunetti u siltiet mis-suċċess fenomenali, ‘Frozen’.
Kantanti li ġejjin dritt mis-setts tal-films ta’ Disney se jingħaqdu flimkien ma’ l-Orkestra Filarmonika fuq il-palk, akkumpanjati mill-vuċi maġika ta’ Gaia Cauchi li ntgħażlet minn Disney stess biex tkanta flimkien mal-kor tat-tfal immexxi minn Gillian Zammit.
Il-familji li jattendu dan l-avveniment se jkollhom l-opportunita’ biex jerġgħu jgħixu siltiet minn dawn il-films maġiċi fuq l-iskrin kbir waqt is-serata.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Kap Eżekuttiv ta’ l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta, Sigmund Mifsud qal li huwa unur kbir li l-orkestra se tkun assoċjata ma’ Disney. Filfatt Malta hija waħda mill-ftit pajjiżi fl-Ewropa li se ttella’ din il-produzzjoni ġdida, u l-mużiċisti kollha qed iħarsu l-quddiem b’ottimiżmu sabiex ikunu parti minn dan l-avveniment maġiku u li żgur mhux se jintesa’.
//= $special ?>