Internazzjonali Kurżitajiet

L-akbar tadama fid-dinja tmur għall-bejgħ fir-Renju Unit

Kellhom jgħaddu 20 sena biex isseħħ. Iżda dawk li jkabbru x-xtieli sa fl-aħħar nidew kollezzjoni ta’ tadam enormi li jistgħu jitimgħu familja sħiħa.

Ix-xtieli l-ġodda tat-tadam, bl-isem ta’ Gigantomo, jistgħu jkabbru frott enormi sa għaxar pulzieri wiesa’ u b’piż ta’ kilo u 300 gramma – madwar 12-il darba ikbar mill-kobor ta’ tadama normali.

It-tadam ġgantesk tant hu kbir li tadama waħda tista’ titma’ erba’ persuni.

It-tadam revoluzzjonarju issa jinsabu għall-bejgħ fl-Ingilterra, fil-ħin għall-ġardinara biex jixtruhom qabel ma tibda r-Rebbiegħa.

Kull xitla tista’ tikber sa sitt piedi tul u toħloq madwar 11-il tadama. Iżda x-xitla trid tkun appoġġjata sabiex ma togħlobx taħt il-piż tal-frotta.

Il-varjetà il-ġdida hi riżultat ta’ kważi 20 sena ta’ riċerka u żvilupp, minn bdiewa u raħħala fir-Renju Unit u fl-Istati Uniti.

Dan it-tadam partikulari tnieda fl-Istati Uniti s-sena l-oħra mill-kumpanija Burpee u nbigħ taħt l-isem SteakHouse.

Dan it-tadam enormi tant għamel suċċess li twassal sal-Atlantiku, iżda l-Unjoni Ewropea ma aċċettatx l-isem li ngħata fl-Istati Uniti u allura dan inbidel għal Gigantomo.

It-tadam Gigantomo jista’ jinxtara biss mill-kumpanija Van Meumen f’Lincolnshire, li nediethom fil-kollezzjoni tax-xtieli għar-Rebbiegħa ta’ din is-sena.