L-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni Ġusta u l-Affarijiet tal-Konsumatur mitluba tinvestiga l-pressjoni li saret fuq sid ta’ pompa tal-petrol li ġie mġiegħel jerġa’ jgħolli wara li kien raħħas il-prezz tad-diesel
L-Għaqda tal-Konsumaturi ressqet ilment quddiem l-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni Ġusta u l-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA), li fih talbet li jiġi investigat il-każ tal-pompa tal-petrol fir-Rabat li wara li raħħset il-prezz tad-diesel, ġiet imġiegħla treġġa’ lura l-prezz għal li kien.
Fi stqarrija, l-Għaqda rreferiet għar-rapporti dwar dawk li ddeskriviet bħala “allegati prattiċi fis-suq li qed jindikaw li l-prezz tad-diesel hu kkontrollat u m’hemmx verament kompetizzjoni fis-suq”, li sejħitilhom rapporti inkwetanti u serji.
Dan għaliex, qalet l-Għaqda, dawn jindikaw li dan is-suq, minkejja li suppost hu liberalizzat, fil-verità hu kkontrollat.
L-Għaqda tal-Konsumaturi qalet li kien pass pożittiv li sid ta’ pompa tal-petrol għażel li jraħħas il-prezz tad-diesel b’2ċ għax b’hekk gawda l-konsumatur. L-istqarrija tkompli tgħid li din l-inizjattiva hi wkoll indikazzjoni li hemm sidien tal-pompi tal-fuel li lesti jraħħsu l-prezz għall-benefiċċju tal-konsumatur.
Madankollu, jidher li dan l-operatur partikolari kellu jerġa’ jgħolli l-prezz wara li saret pressjoni minn terzi wara li, skont ir-rapporti fil-media, saru diversi protesti minn sidien oħrajn tal-pompi tal-petrol.
Dawn mhuma xejn ħlief prattiċi li joħonqu l-kompetizzjoni fis-suq, qalet l-Għaqda, u għalhekk possibilment imorru kontra l-Liġi tal-Kompetizzjoni u kontra l-interessi tal-konsumatur li ma jkunx jista’ jgawdi minn prezzijiet orħos riżultat tal-kompetizzjoni fis-suq.
Għal dan il-għan, l-Għaqda tal-Konsumaturi ħabbret li ppreżentat l-ilment quddiem l-MCCAA biex jiġu investigati dawn il-prattiċi, filwaqt li talbet lill-Awtorità biex tipproteġi l-inizjattiva li ħa dan is-sid partikolari ħalli jkun f’pożizzjoni li jerġa’ jraħħas il-prezz tad-diesel. L-Għaqda qed titlob li dan il-każ jingħata attenzjoni immedjata.
L-istqarrija ttemm tgħid li hu dmir tal-MCCAA li tipproteġi lill-konsumaturi minn kwalunkwe prattiċi li jwasslu biex il-prezz jiġi miftiehem mill-intrapriżi, billi tiggarantixxi li dan is-suq hu verament kompetittiv.
//= $special ?>