Lokali

L-MHRA ukoll issejjaħ lill-Gvern biex jaġġorna lill-MCESD dwar il-prezzijiet tal-fuel

Wara l-GRTU u l-UĦM, issa anke l-Assoċjazzjoni tal-Lukandi u r-Ristoranti (MHRA) ħabbret li talbet lill-Gvern biex jaġġorna lill-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) dwar l-Istrateġija tiegħu dwar l-Enerġija. L-MHRA qalet li talbet ukoll laqgħa mal-Awtorità Maltija tar-Riżorsi (MRA) dwar il-prezzijiet tal-fuels f’Malta, speċifikament biex tkun taf jekk it-tnaqqis fil-prezz internazzjonali taż-żejt hux qed jiġi rifless kif xieraq fil-prezz tal-fuels fis-suq Malti.

L-MHRA nnutat li l-prezz taż-żejt, fuq perjodu pjuttost qasir ta’ żmien, niżel għal-livelli ta’ żmien il-kriżi finanzjarja fl-2008 u minħabba li mhux magħruf x’inhi l-pożizzjoni tal-kumpanija Enemed f’dan ir-rigward, intalbet din il-laqgħa biex ikun żgurat li l-interessi tal-konsumaturi u l-prinċipji tal-kompetizzjoni ġusta qed jiġu mħarsa.