Lokali

Mhux faċli tibni Korp tal-Pulizija mill-qiegħ

Kellu kull raġun il-Prim Ministru Joseph Muscat meta f’Diċembru li għadda wera l-preokkupazzjoni tiegħu għall-istat miżeru li kien irriduċa ruħu fih il-Korp tal-Pulizija. Korp tal-Pulizija bla ebda motivazzjoni u mkisser fil-veru sens tal-kelma. Agħar minn hekk Korp tal-Pulizija li l-istima lejh mill-Maltin u l-Għawdxin b’mod inġenerali kienet tnaqqret sew.

Imma tajjeb li wieħed ikompli jkun oġġettiv u jagħmel pass lura. Jekk f’Diċembru li għadda l-Korp tal-Pulizija kien fi stat tassew li ma jinġabarx, dan ma seħħx mil-lum għall-għada. Kienu n-numru ta’ deċiżjonijiet għal kollox żbaljati li ttieħdu sa minn Marzu tal-2013 ‘il quddiem li rrendew lill-Korp tal-Pulizija fi stat mill-aktar patetiku.

Il-Prim Ministru, jekk irridu nkunu serji, jaf tajjeb kemm ingħataw transfers vendikattivi fi ħdan il-Korp tal-Pulizija matul dawn l-ewwel xhur ta’ din il-leġislatura. Kemm membri dedikati u serji fix-xogħol tagħhom twarrbu. Kemm promozzjonijiet għal tal-qalba. Kemm manuvri biex membri ħabrieka nqatgħetilhom kull motivazzjoni. Kemm indħil u manuvri.

Ma niddejjaqx ngħid li Manwel Mallia u Silvio Scerri jibqgħu mniżżla bħala żewġ persuni li għamlu ħafna ħsara lill-Korp tal-Pulizija u lid-dehra tiegħu. Li jdejjaqni ħafna hu l-fatt li l-Prim Ministru Joseph Muscat kien għal kollox konxju minn dan il-frakass kontinwu tal-Korp tal-Pulizija u flok għamel xi ħaġa biex Manwel Mallia u Silvio Scerri ma jkomplux iħarbtu lil din l-istituzzjoni daqstant importanti, baqa’ indifferenti u passiv jara l-kollass iseħħ… litteralment ma għamel xejn… sal-punt li kellu jinqala’ inċident serju ta’ sparatura li mbagħad ħarrkitu biex ikeċċi u jtajjar lil dawn iż-żewġ persuni, lil tal-ewwel direttament u lil tat-tieni indirettament.

Jiġifieri jekk f’Diċembru l-Korp tal-Pulizija kien fi stat inkwetanti dan mhux tort biss ta’ Manwel Mallia u Silvio Scerri, imma tal-Prim Ministru wkoll li m’għarafx jaqbad il-barri minn qrunu u jindirizza l-problema tal-Korp tal-Pulizija. Il-problema ma kenitx il-Korp tal-Pulizija fih innifsu, imma min kien qiegħed jagħtih id-direzzjonijiet u min kien qiegħed jamministrah minn barra.

Erba’ Kummissarji f’temp ta’ ftit xhur
Kienet mill-aktar kapriċċuża t-tneħħija ta’ John Rizzo minn Kummissarju tal-Pulizija sempliċiment biex John Dalli jiġi lura Malta b’rasu mistrieħa u ma jitressaqx il-Qorti.

U mbagħad kienet għażla tassew żbaljata li l-Prokuratur Legali Pietru Pawl Zammit jinħatar bħala l-Kummissarju l-ġdid tal-Korp tal-Pulizija meta l-abbiltajiet tiegħu f’tali rwol kienu f’dubbju sa mill-bidu nett. Povru Pietru Pawl Zammit li fi żmienu kulħadd kien Kummissarju tal-Pulizija minbarra hu. Sakemm kellu jirriżenja minħabba numru ta’ żbalji goffi li għandek bżonn aktar minn par idejn biex tgħoddhom.

Sakemm il-Korp tal-Pulizija reġa’ kien ridott għal farsa oħra meta Ray Zammit inħatar Aġent Kummissarju tal-Korp tal-Pulizija. Jien kelli kull stima lejn Ray Zammit bħala bniedem li jħobb lill-Korp u lill-uniformi, iżda l-ħatra tiegħu bħala Aġent Kummissarju ma daqqitlix sa minn meta tħabbret. Għaliex Aġent Kummissarju u mhux Kummissarju tal-Pulizija?

Il-kuġin tal-eks Ministru Manwel Mallia qatt ma tpoġġa f’pożizzjoni fejn verament seta’ jmexxi sakemm faqqgħet l-istorja tad-19 ta’ Novembru li għadda u mbagħad kulħadd jaf dik l-istorja kif kompliet u għal xix wasslet.

Michael Cassar b’telgħa wieqfa quddiemu
Fil-bidu ta’ Diċembru li għadda t-tmun tat-tmexxija tal-Korp tal-Pulizija għadda f’idejn Michael Cassar. Jiġifieri fi spazju ta’ ftit xhur biss il-Korp tal-Pulizija kien qiegħed jitmexxa minn erba’ Kummissarji differenti! Jekk hux tad-daħk jew tal-biki nħalliha f’idejk bħala l-qarrej ta’ dan l-artiklu!

Li nazzarda ngħid hu li kemm-il darba l-Gvern iddeċieda li jneħħi lil John Rizzo, kif fil-fatt għamel u dan ftit wara li ħa t-tmexxija tal-pajjiż f’idejh, forsi għaliex ma kellux fiduċja fih jew grazzja miegħu – u għandu kull dritt li jagħmel dan – allura l-Gvern messu dar mill-ewwel fuq Michael Cassar biex ikun hu s-suċċessur tal-istess John Rizzo.

Onestament naħseb li l-ħatra ta’ Michael Cassar bħalal-Kummissarju tal-Pulzija saret sena u nofs tard. Sena u nofs li fihom il-Korp tal-Pulizija twaddab il-baħar. Imbagħad jiġi l-Prim Ministru u jistqarr li hu inkwetat li l-fiduċja tal-Maltin u l-Għawdxin fil-Korp tal-Pulizija hi fl-inqas livelli possibbli!

Konvint li llum, fiċ-ċirkostanzi, Michael Cassar qed jagħmel biċċa xogħol tajba. Mhux faċli xogħlu. Mhux faċli li jipprova jsewwi l-ħafna ħsarat u inġustizzji li saru. Xejn affattu. Imma jien għandi fiduċja li Michael Cassar kapaċi jerġa’ jgħolli l-moral fi ħdan il-Korp tal-Pulizija biex jerġa’ jirbaħ l-istima tal-Maltin u l-Għawdxin.

Naturalment Michael Cassar jista’ jasal għal dan is-suċċess billi ma jħares lejn wiċċ ħadd. Anqas ta’ min jaħseb li għalih ma jista’ ħadd. Anqas għal min jaħseb li issa la hemm il-Partit Laburista fil-Gvern għandhom jitħallew jaħdmu biss il-Pulizija ta’ kulur aħmar u l-oħrajn għandhom jingħataw il-ġenb. Din il-mentalità hi ħażina u tagħmel ħsara biss lill-Korp u lid-dehra tiegħu.

Michael Cassar wiret Korp tal-Pulizija f’sitwazzjoni mwiegħra. Wiret Korp tal-Pulizija fejn fix-xhur ta’ qabel esperjenza għadd kbir ta’ transfers u azzjonijiet vendikattivi. Jalla Michael Cassar jitħalla jsewwi dawn id-daqqiet u jerġa’ jimmotiva lill-membri kollha biex ilkoll jagħtu l-mija fil-mija.

Tal-inqas Michael Cassar jista’ jaħdem ma’ Ministru li nemmen li jekk jitgħallem u jibqa’ b’riġlejh mal-art jista’ jagħmel biċċa xogħol tajba hu wkoll. Ministru li iżda ma jridx jibgħat messaġġi żbaljati. Ministru li dak li jgħid, jagħmlu. U mhux iwiegħed affarijiet u mbagħad ma javverihomx.

Li hu żgur hu li Michael Cassar jista’ jikkunsidra lilu nnifsu fortunat li m’hux qed ikollu jaħdem ma’ nies bħal Manwel Mallia u Silvio Scerri! Madankollu fil-Korp tal-Pulizija – u dan kemm-il darba jrid li tassew jimxi ‘l quddiem – jeħtieġlu jibda jiżbor biex il-friegħi li ma jagħtux il-frott jintefgħu għall-ħruq! U ż-żabra għandha tinkludi elementi mill-kbar u miż-żgħar.

Min ma jridx jaħdem u jkun leali lejn il-ġurament li ħa postu m’hux fil-Korp tal-Pulizija. Min għandu aġendi moħbija u min mhux ġenwin nemmen li aħjar idabbar rasu jew ikollu rasu mdabbra.