Lokali

Miżata ġdida talli jippubblikaw rapport!

Miżata ġdida minn aġenzija tal-Gvern se taffettwa mijiet ta’ professjonisti u entitajiet oħra

Il-Financial Intelligence Analysis Unit Malta (FIAU Malta), li hija aġenzija tal-Gvern, se tkun qed timponi miżata ġdida fuq mijiet ta’ avukati, ‘accountants’, banek, u entitajiet oħra li jipproċessaw transazzjonijiet monetarji kbar.

Skont il-proċeduri stabbiliti għal dawn it-tip ta’ entitajiet, darba fis-sena irid jitħejja rapport li jiġi ppreżentat lil din l-aġenzija biex ikun assigurat li fl-operat tagħhom ma kienx hemm transazzjonijiet suspettużi. Dan ir-rapport hu msejjaħ l-‘Annual Compliance Report’.

F’avviż li ġie ppubblikat fuq is-sit www.fiumalta.org fis-7 ta’ Jannar li għadda, intqal li minn din is-sena, din l-aġenzija tal-Gvern se tkun qed timponi miżata ġdida ta’ €50 biex wieħed ikun jista’ jissottometti l-‘Annual Compliance Report’ tiegħu bl-internet; jew inkella €65 jekk ir-rapport ikun sottomess bl-idejn!

Din il-Unit, il-‘Financial Intelligence Analysis Unit’ hija aġenzija tal-Gvern li għandha l-għan li tiġbor, tipproċessa u tanalizza din it-tip ta’ informazzjoni bl-iskop li tara li ma jseħħx ħasil ta’ flus jew transazzjonijiet biex jiffinanzjaw it-terroriżmu.

Dan ifisser li din l-aġenzija tal-Gvern se tkun qed timponi miżata ġdida fuq rapport li jitħejja bil-għan li l-Gvern jara li mhux qed isiru transazzjonijiet suspettużi. Deċiżjoni li se taffettwa mijiet ta’ professjonisti u entitajiet li jaħdmu f’oqsma fejn isiru dawn it-tip ta’ transazzjonijiet.

Apparti minn hekk, fl-avviż ippubblikat minn din l-aġenzija, jintqal li jekk ma titħallasx din il-miżata ġdida, l-ebda rapport ma jkun aċċett jew proċessat – u dan ikun qed ipoġġi lill-professjonist jew l-entita’ partikolari fi stat ta’ irregolarita.

Ir-ritratt t’hawn taħt juri l-avviż ippubblikat minn din l-aġenzija tal-Gvern.
Annual compliance