Fl-aħħar filmat ippubblikat mill-militanti tal-ISIS, raġel b’wiċċu mgħammad bil-wieqfa ħdejn suldat Kurd, li iktar tard jinqatel, jhedded direttament lill-President Amerikan Barack Obama. Fil-filmat, ir-raġel b’wiċċu mgħammad jindirizza lill-President tal-Istati Uniti u jgħidlu li l-Istat Iżlamiku se jasal l-Amerika, se jidħol fil-White House u jaqtgħalu rasu u se jittrasformaw lill-Istati Uniti fi provinċja Musulmana.
Fil-filmat, il-militanti għandhom messaġġ ukoll għal Franza u għall-Belġju fejn iwissuhom li se jmorru fil-pajjiżi b’karozzi-bombi u bi splussivi u se jaqtgħulhom rashom. Franza għadha mwerwra mill-avvenimenti ta’ dan ix-xahar, meta tliet irġiel qatlu b’kollox 17-il persuna f’attakki separati. Ftit jiem wara, il-Belġju rnexxielu jħarbat pjan ta’ Iżlamisti li riedu joqtlu uffiċjal tal-Pulizija jew imħallef.
Il-filmat jinkludi wkoll messaġġ iktar aħrax għall-mexxej Kurd, Masoud Barazani, li qed imexxi l-ġlieda kontra l-militanti fl-Iraq. Ftit qabel joqtol is-suldat Kurd miżmum ostaġġ, il-militant jgħid lill-mexxej Kurd li kull darba li dawn se jattakkaw lill-Istat Iżlamiku, huma se jibgħatu lura ras maqtugħa ta’ suldat tagħhom.
//= $special ?>