Lokali

Riħa qawwija ta’ gass tqajjem paniku fost xi mpjegati tal-Qorti

Riħa qawwija ta’ gass li bdiet tinxtamm sew fir-reġistru tal-Qorti, li jinsab fis-sular ta’ taħt il-livell tat-triq tal-Qorti ħasbet sew lil diversi mpjegati tal-Qorti. Kien għall-ħabta tad-9.30 a.m. li numru ta’ ħaddiema ma bdewx jistaportu l-irwejjaħ ta’ gass li kienet ħierġa.

Għall-ewwel it-talba tal-ħaddiema li joħorġu mill-bini kienet irrifjutata u dan għaliex l-assistenti Diretturi tal-Qorti ma riedux jerfgħu r-responsabbilita’ u dan peress li d-Diretturi kienu għaddejjin b’laqgħa fil-Qorti, imma mhux fl-istess sular.

Wara ħafna lmenti, madwar tliet kwarti wara, ingħatat l-ordni mill-Kap tat-Taqsima tas-Sigurta’ biex dawn jitilqu minn hemm. Aktar tard waslu fuq il-post membri tal-Protezzjoni Ċivili li wara li spezzjonaw il-post qalu li r-riħa kienet ġejja mill-“air-conditioners”.

Mhux l-ewwel darba li l-ħaddiema tar-Reġistru lmentaw fuq l-ambjent li huma jaħdmu fih fil-Qorti fejn l-arja mhijiex waħda tajba. Minbarra l-ħaddiema tal-Qorti, ir-reġistru jintuża minn diversi avukati u prokuraturi legali.