Lokali

“Se nikkonsultaw aktar, b’flessibilta’ u bilanċ f’qasam tant importanti”

Simon Busuttil jindirizza l-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi

“Il-Partit Nazzjonalista jemmen li għandu jirrispetta l-art limitata Maltija għall-ġenerazzjoni tal-lum u t’għada – u dan b’bilanċ u kunsens dwar dan is-settur tant importanti”.

Kien dan il-messaġġ tal-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil meta l-Ħamis filgħaxija kien qed jindirizza l-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi, l-MDA.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni fid-diskors tiegħu semma numru ta’ oqsma li għandhom x’jaqsmu mal-ambjent u l-iżvilupp fejn spjega li l-iżviluppaturi għandhom dritt ikunu jafu x’inhi l-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista dwarhom. Fost dawn hemm is-separazzjoni tal-ambjent u l-ippjanar fi ħdan il-MEPA, il-Pjan Strateġiku dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp, il-Pjani Lokali u dwar żvilupp f’żoni żviluppati diġa’.

Dwar is-separazzjoni tal-MEPA, Simon Busuttil qal li l-bilanċ bejn l-ambjent u l-iżvilupp huwa importanti ħafna u fiż-żmien li ġej, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista se tkun qed tressaq proposti dwar dan wara li l-Partit Nazzjonalista jkun ikkonsulta anke’ ma’ dawn involuti fil-qasam tal-iżvilupp.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem ukoll dwar il-Pjan Strateġiku għall-Ambjent u l-Iżvilupp li qal li dan il-pjan se jkun qed iħares lejn il-mod kif fis-snin li ġejjin se tkun żviluppata l-art f’Malta. Saħaq li ma jistax ikun hemm żbalji fil-mod ta’ kif isir dan il-pjan.

Simon Busuttil tkellem ukoll dwar il-prezzijiet tal-petrol u d-diesel fejn qal li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista se tkun qed tagħmel ħilitha biex tara li l-prezz tal-fjuwil jorħos biex anke’ l-iżviluppaturi u nies fin-negozju, jgawdu mir-roħs fil-prezzijiet internazzjonali tal-fjuwil.

Simon Busuttil wiegħed li fiż-żmien li ġej, il-Partit Nazzjonalista jimxi b’konsultazzjoni, flessibilta’ u bilanċ mas-settur tal-iżvilupp.

Waqt il-Laqgħa Ġenerali Annwali, t-tmexxija tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżvilupp ġie ikkonfermata, b’Sandro Chetcuti kkonfermat bħala President tal-Assoċjazzjoni. Ġew approvati wkoll żewġ mozzjonijiet; waħda biex tiżdied il-miżata ta’ sħubija għal mitt ewro, u mozzjoni oħra biex mil-Laqgħa Ġenerali Annwali li jmiss, il-Kunsill jibda jiġi elett għal terminu ta’ sentejn.

F’kelmtejn tal-okkażjoni, Sandro Chetcuti qal li l-MDA fl-aħħar snin immaturat għall-ġid tal-industrija u tas-soċjeta’ filwaqt li l-Assoċjazzjoni mhux se tagħti protezzjoni għal min ikun irresponsabbli fil-ħidma tiegħu.

Il-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-MDA ġiet indirizzat wkoll mill-Prim Ministru Joseph Muscat li saħaq li l-Pjan Strateġiku dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp għandu jkun biss il-qafas, biex iħalli flessibilta’ għall-ġenerazzjonijiet futuri biex jieħdu d-deċiżjonijiet li jaħsbu li jkunu l-aħjar għal żmienhom.