Internazzjonali Kurżitajiet

Tfajla taqa’ minn irdum wara li l-għarus ipproponielha biex tiżżewġu

Turista mietet f’Ibiza wara li waqgħet minn fuq irdum hekk kif l-għarus tagħha pproponielha biex tiżżewġu.

Il-pulizija qalet li hi tilfet il-bilanċ hekk kif qabżet u qabżet bil-ferħ wara li l-għarus tagħha talabha tiżżewġu.

Il-koppja mill-Bulgarija, kienu f’post li hu famuż biex jaraw inżul ix-xemx.

Dimitrina Dimitrova, li kellha 29 sena, ġarrbet attakk tal-qalb kawża tal-ġrieħi li ġarrbet minn waqgħa ta’ 65 pied f’Cala Tarida f’Ibiza. It-tfajla kienet għadha ħajja iżda mitlufa minn sensiha meta l-paramediċi waslu fil-post iżda mbagħad mietet ftit tal-minuti wara.

L-inċident seħħ nhar it-Tlieta ftit wara nofsinhar. Kelliem għall-pulizija qal li “kollox indika li l-mewt irriżultat minn inċident traġiku”.

Sors ieħor żied: “L-għarus tagħha għex u ħadem f’Ibiza. Waslet fil-gżira jumejn qabel biex iżżuru u biex issib impjieg…hi waqgħet wara li s-sieħeb tagħha taha sorpriża billi pproponielha biex tiżżewġu hekk kif qabżet bl-emozzjoni li kellha fuqha”.

F’Awwissu li għadda, koppja Pollakka waqgħet minn għoli waqt li kienet qed tiġbed ritratt tagħha nnifisha f’tarf ta’ irdum f’Capi da Roca fil-Portugall. Ulied il-koppja, ta’ ħames snin u sitt snin, raw l-inċident traġiku jseħħ. Xi residenti Portugiżi ħadu ħsieb it-tfal qabel ma marru lura f’art twelidhom fejn qed jgħixu mal-qraba tagħhom.