Kultura Kurżitajiet

Charlize Theron u Conchita fost il-mistiedna ta’ Sanremo

L-attriċi mill-Afrika t’Isfel, ir-rebbieħa ta’ Oscar għall-film Monster, u d-drag queen bid-daqna l-iktar famuża fid-dinja se jkunu fost il-mistiedna speċjali tal-edizzjoni ta’ din is-sena ta’ Sanremo, ippreżentat mill-preżentatur numru wieħed bħalissa fl-Italja, Carlo Conti, bejn l-10 u l-14 ta’ Frar.

Ma’ Charlize Theron u Conchita Wurst se jingħaqdu Will Smith u seħbitu fil-film Focus, Margot Robbie, u mistiedna oħra barranin fosthom il-band Imagine Dragons u Saint Motel u r-rockstar Ingliż Ed Sheeran.

Il-festival se jiftaħ b’nota nostalġika bis-sehem ta’ Al Bano u Romina, li l-aħħar li telgħu fuq il-palk tat-teatru Ariston flimkien kien fl-1991 meta kantaw is-suċċess storiku tagħhom Felicità.

Fost il-mistiedna Taljani, Sanremo din is-sena diġà ħabbar li se jkollu lil Tiziano Ferro u Gianna Nannini flimkien mal-atturi tal-kummiedja Taljana Luca u Paolo u Alessandro Siani. Se jkun hemm ukoll kollegament dirett mal-istazzjon fl-ispazju fejn hemm l-astronawta Taljana Samantha Cristoforetti waqt li mistennija l-preżenza ta’ sportivi fosthom il-coach tat-tim nazzjonali Taljan tal-futbol Antonio Conte. Mhux se jonqos riferiment għall-Expo ta’ Milan li se tiftaħ iktar tard din is-sena.