Il-kumpanija Enemalta u Enel Trade ffirmaw ftehim ta’ ħames snin għall-użu tal-Interconnector bejn Malta u Sqallija biex b’hekk Malta tkun qed timporta l-elettriku.
Il-ftehim ġie ffirmat ilbieraħ miċ-Chairman Eżekuttiv ta’ Enemalta, l-Inġinier Fredrick Azzopardi, u Sun Ji, id-Deputat Chairman tal-kumpanija, fuq naħa, u Leonardo Zannella, Kap tal-uffiċċju internazzjonali ta’ Enel Trade.
B’dan l-iżvilupp, Enemalta se tkun tista’ tkompli għaddejja bit-testijiet tal-cables u l-apparat tal-Interconnector fil-Magħtab u f’Ragusa, qabel ma tibda tgħaddi l-enerġija minnu u jitqabbad mas-sistema iktar tard din is-sena.
Enel Trade hi l-fergħa tal-kumpanija multi-nazzjonali Enel, responsabbli min-negozju tal-elettriku u l-gass. Il-Grupp Enel jaħdem fi 32 pajjiż f’erba’ kontinenti differenti, b’kapaċità ta’ ġenerazzjoni ta’ aktar minn 95 GW ta’ enerġija elettrika f’sistema ta’ distribuzzjoni ta’ aktar minn 1.9 miljun kilometru.
Il-proċess tal-għażla biex Enemalta tidentifika sieħeb strateġiku għax-xiri tal-elettriku beda f’Mejju li għadda. Enemalta qalet li hi għażlet li tixtri l-elettriku minn trading agency biex b’hekk iżżomm flessibilità fuq l-użu tal-Interconnector u tixtri mingħand dawk li jkunu qed joffru l-aħjar prezzijiet tal-elettriku. L-aħjar offerta mill-erba’ li kienu ġew sottomessi, kienet dik ta’ Enel Trade.
L-Enemalta qalet li bil-ftehim milħuq, se tkun tista’ tinnegozja f’għadd ta’ oqsma tal-enerġija differenti, fosthom is-suq tal-istess ġurnata għall-emerġenzi jew ħtiġijiet immedjati, u s-suq ta’ ġurnata bil-quddiem għal meta jkun hemm bidliet fid-domanda fi żmien qasir.
//= $special ?>