L-istqarrija ta’ numru ta’ Avukati li r-Referendum dwar il-Kaċċa fir-Rebbiegħa ma jaffettwax minoranzi oħrajn hi purament qarrieqa. Hekk iddikjarat l-għaqda Kaċċaturi San Ubertu (KSU) biex twieġeb id-dikjarazzjoni ffirmata minn 12-il espert legali, li qalet li m’hemmx bażi legali għal twissija li persuni b’delizzji oħrajn jistgħu ‘l quddiem jiffaċċjaw Referendum biex jitneħħa d-delizzju tagħhom.
Fl-istqarrija, il-KSU qalet li l-ġbir ta’ 40,000 firma f’petizzjoni biex jitwaqqaf delizzju ta’ 10,000 Malti u Għawdxi hi prova biżżejjed li kwalunkwe minoranza oħra tista’ tintlaqat mill-istess sitwazzjoni. L-għaqda sostniet li petizzjoni indirizzata lill-Parlament, kif ukoll Private Member’s Bill jew Referendum wara talba mill-elettorat jistgħu jkunu biżżejjed biex id-delizzju jitwaqqaf.
Fit-tweġiba għal dak li ddikjaraw l-esperti legali l-Erbgħa li għadda, l-għaqda saħqet li permezz ta’ Referendum Abbrogattiv, kwalunkwe proviżjoni tal-Liġi tista’ titwaqqaf.
Sadanittant, kritika wkoll għall-pożizzjoni tal-esperti legali waslet mill-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK), li fi stqarrija separata qalet li eluf ta’ Avukati sikwit jikkontestaw lil xulxin dwar l-interpretazzjoni ta’ xi Liġi.
Għaldaqstant, dak li qalu l-esperti legali l-Erbgħa li għadda jikkonferma t-twemmin tal-Federazzjoni biex tikkampanja favur l-interessi, id-drittijiet u l-privileġġi legali tal-minoranzi.
//= $special ?>