L-aċċess pedonali mit-trejqa li tissepara l-bini tal-Parlament il-ġdid fid-Daħla tal-Belt u t-Teatru Rjal mistennija tispiċċa għal kollox. Dan hekk kif il-Gvern qed jippjana li f’din it-trejqa jqiegħed il-Monti l-ġdid.
Skont il-pjanijiet tal-Gvern, il-bejjiegħa tal-Monti se jibda jkollhom gabbana uniformi. Filwaqt li għall-bidu, il-bejjiegħa se jkunu mitluba jżarmaw il-gabbani fl-għeluq ta’ kull ġurnata ħidma, il-Gvern qed jippjana wkoll li eventwalment dawn ikunu tal-post.
Skont il-pjanijiet oriġinali tal-Perit Renzo Piano, din it-trejqa kellha tkun iddedikata kollha kemm hi għall-persuni mexjin, tant li tneħħa kull aċċess għall-karozzi. Madankollu, issa dan l-aċċess se jiġi ristrett bil-gabbani tal-Monti li se jkunu qed jintramaw fit-trejqa.
Barra minhekk, u minħabba n-numru ta’ bejjiegħa rreġistrati, il-gabbani mistennija jibqgħu għaddejjin san-naħa l-oħra tat-triq. Il-pjanijiet tal-Gvern ma jeskludux il-possibbiltà li wħud minnhom ikunu qed jaqsmu wkoll min-naħa għall-oħra fi Triq ir-Repubblika. Jidher li l-bejjiegħa se jkollhom il-possibbiltà wkoll li japplikaw għal permess biex joperaw sebat ijiem fil-ġimgħa.
Meta l-Gvern żvela l-pjanijiet il-ġodda tiegħu, kienu diversi l-periti li esprimew in-nuqqas ta’ qbil tagħhom.
Min-naħa tiegħu, id-diżinjatur Carlo Schembri, li sentejn ilu għamel id-diżinn oriġinali tal-Monti l-ġdid, qal li b’dan id-diżinn, il-Gvern tilef opportunità għad-Daħla tal-Belt, kif ukoll fetaħ diversi bibien għall-kritika.
Kritika għall-pjan tal-Gvern waslet ukoll minn Jason Micallef, l-eks Segretarju Ġenerali tal-Partit Laburista u llum Chairman tal-Fondazzjoni Valletta 2018. Mistoqsi mis-sit elettroniku timesofmalta.com, Jason Micallef ikkritika wkoll id-disinn tal-gabbani nfushom.
Fil-kumment tiegħu, Jason Micallef qal li l-pjan tal-Gvern ma jaqbilx mal-istil il-ġdid tad-Daħla tal-Belt u li se jnawwar l-element kulturali tal-kapitali. Sostna li ż-żona tal-Parlament il-ġdid u t-Teatru Rjal jistħoqqilhom aktar rispett.
L-eks Segretarju Ġenerali Laburista kkritika wkoll il-fatt li l-Gvern baqa’ qatt ma kkonsulta mal-Fondazzjoni V18 dwar il-pjanijiet tiegħu. Filwaqt li appella għas-sens komun, Jason Micallef qal li għandu jkun hemm strateġija komuni fl-aħjar interess tal-kapitali.
Sadanittant, anke l-Kunsill Lokali tal-Belt ilmenta li ma kienx konsultat dwar dawn il-pjanijiet.
//= $special ?>