Mużika

Inkwiet għal Geezer Butler tal-‘Black Sabbath’

Geezer Butler, li jdoqq il-kitarra bass mal-grupp tar-Rock, Black Sabbath, spiċċa arrestat fl-Istati Uniti wara li kien involut fi ġlieda ġo bar f’California.

Il-pulizija li investigaw il-ġlieda fil-‘Corkscrew Saloon’ iddeċidew li jżommu lil ‘Geezer’ — ismu proprju Terence Michael Butler — wara li r-Rocker ta’ 65 sena kien involut f’aggrediment u atti ta’ vandaliżmu waqt li fi stat xurban.

Il-bar inkwistjoni jinsab fl-inħawi ta’ ranch fid-Death Valley National Park, bl-aħħar rapporti jgħidu li Butler inħeles wara li l-Pulizija ħaritlu ċitazzjoni. Dan ukoll wara li l-mużiċista għadda minn proċess ta’ detossifikazzjoni.

Mifhum li ‘Geezer Butler’ kien involut f’argument jaħraq qabel spiċċa fi ‘ġlieda bl-idejn’ fil-bar, fejn sawwat lil persuna oħra. Ir-rapport kompla li tieqa tal-istabbilment spiċċat imfarrka fil-frakass.

Il-grupp’Black Sabbath’, fl-2013, kellu l-ewwel album li spara għall-ewwel post tal-klassifika wara 43 sena. L-album jismu ’13’ waqt li hu d-dsatax il-proġett tal-istudju għall-kumpless tar-Rock Britanniku

Tliet membri oriġinali tas-‘Sabbath’, fosthom Ozzy Osbourne, kienu reġgħu ingħaqdu, fl-2012, biex jieħdu sehem fid-Download Festival organizzat f’Donnington Park ta’ Nottingham.