Internazzjonali Kurżitajiet Xjenza u Teknoloġija

Jinfetaħ l-aċċess għal dokumenti Amerikani dwar il-UFOs

Madwar 130,000 paġna ta’ dokumenti minn studju uffiċjali li kien sar 22 sena ilu mill-Qawwa tal-Ajru Amerikana dwar l-UFOs, magħruf bħala Project Blue Book, issa sa fl-aħħar jinsabu pubbliċi bla ħlas fuq l-internet.

Project Blue Book beda fl-1947 taħt l-isem ta’ Project Sun. Dan evolva fi Project Grudge, imbagħad fl-aħħar ħa l-isem ta’ Blue Book fl-1952. Wara 22 sena ta’ investigazzjonijiet uffiċjali ta’ eluf ta’ rapporti dwar l-UFOs, il-proġett intemm fl-1969.

Mit-12,618-il dehra li ġew kunsidrati taħt il-Blue Book, 701 baqgħu “mhux identifikati”. Ir-riċerkaturi dwar l-UFOs issuġġerew il-possibbiltà li dawk l-inċidenti setgħu involvew l-aljeni. Oħrajn jgħidu li dawk l-inċidenti huma purament inkonklussivi.

Il-konklużjonijiet finali ta’ Project Blue Book kienu: li ebda UFO ma kien rappurtat, investigat jew evalwat mill-Qawwa tal-Ajru li seta’ ta indikazzjoni ta’ theddida lis-sigurtà nazzjonali Amerikana; ma kien hemm ebda evidenza ppreżentata ma’ jew skoperti mill-Qawwa tal-Ajru li d-dehriet kienu kategorizzati bħala “mhux identifikati”, jirrapreżentaw żviluppi jew prinċipji teknoloġiċi lil hinn mill-għarfien xjentifiku tal-lum; u ma kien hemm ebda evidenza li tindika li d-dehriet ġew kategorizzati bħala “mhux identifikati” bħala vetturi tal-aljeni.