Lokali

Kunċert bis-sehem ta’ Frate Alessandro minn Assisi

It-tenur Taljan Frate Alessandro minn Assisi se jkun f’pajjiżna biex jieħu sehem f’kunċert ta’ mużika sagra organizzat mis-Soċjetà Filarmonika Vilhena tal-Furjana fis-7 ta’ Frar 2015. Il-kunċert se jsir fil-Knisja ta’ San Publiju fil-Furjana fit-8pm.

In-nazzjoni tkellem mas-surmast tas-Soċjeta Filarmonika Vilhena, Heathcliffe Balzan li qal li hu l-bandisti qed jilqgħu b’entużjażmu din l-opportunità li jagħmlu kunċert ma’ dan it-tenur ta’ fama internazzjonali. Hu faħħar ukoll il-karattru ferrieħi u t-tbissima li hu magħruf għaliha Frate Alessandro.

Id-dettalji dwar il-kunċert f’Malta tħabbru waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Palazz ta’ San Anton. Il-President tas-soċjeta’ mużikali, Christopher Vella spjega li l-fondi li se jinġabru minn dan il-kunċert se jingħataw lill-Malta Community Chest Fund. Hu ħabbar ukoll li fuq talba tad-Direttur tad-Dar tal-Providenza, Fr. Martin Micallef, Frate Alessandro se jkun qed iżur ukoll lir-residenti ta’ din id-Dar nhar il-Ġimgħa li ġej.

Il-President ta’ Malta, Marie Louise Coleiro Preca irringrazzjat lis-Soċjeta’ Filarmonika Vilhena ta’ din l-inizjattiva. Hi qalet li dan il-kunċert huwa eżempju ta’ determinazzjoni li soċjeta’ mużikali taghħel il-ġid fil-kommunita’ u f’pajjiżna.