Għawdex Lokali

L-inċident fuq il-vapur juri l-vulnerabilità t’Għawdex – GBC

Il-Gozo Business Chamber, fi stqarrija, esprimiet l-inkwiet tagħha wara l-inċident li seħħ fuq il-vapur dalgħodu meta trakk inqaleb kompletament fuq ġemb tiegħu, aktarx minħabba l-maltemp.

Waqt li laqgħet il-fatt li fl-inċident ma weġġa’ ħadd, il-Kamra tan-Negozju f’Għawdex qalet li ma tistax ma ssemmix il-konsegwenzi gravi li kienu jseħħu kieku ġara dan. Qalet li l-inċident jesponi l-vulnerabilità ta’ Għawdex bħala gżira u għalhekk tikber il-ħtieġa li Għawdex ikollu alternattiva għall-vapuri, li bħalissa huma l-uniku mezz ta’ għaqda bejn iż-żewġ gżejjer.

Għalhekk enfasizzat il-ħtieġa ta’ konnessjoni fissa bejn il-gżejjer u ħeġġet lill-awtoritajiet biex iżidu l-isforzi tagħhom u jkunu jistgħu jiddeċiedu t-triq ’il quddiem biex itejbu l-konnettività.

Il-Gozo Business Chamber saħqet li waqfien mis-servizz tal-Gozo Channel, minkejja l-isforzi tal-kumpanija, jista’ jseħħ xorta waħda minħabba fatturi li ma jistgħux jiġu kkontrollati, bħat-temp u l-inċident ta’ dalgħodu.

Kull waqfien mis-servizz jew saħansitra vjaġġi li jiġu ttardjati joħolqu diffikultajiet enormi lil dawk kollha li jkunu qed jivvjaġġaw bejn il-gżejjer, inkluż lil dawk involuti f’negozji, studenti, ħaddiema u turisti li jkunu qed jaslu Għawdex wara ħin twil jivvjaġġaw jew inkella jkunu se jaqbdu titjira lura d-dar. Dan kollu, saħqet il-Kamra, jirrifletti ħażin fuq il-gżira.