Għada filgħodu, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil se jkun qed jiltaqa’ mal-imsieħba soċjali fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) f’laqgħa li matulha se jiġu diskussi l-prezzijiet għoljin tad-diesel u l-petrol. L-Oppożizzjoni ilha għal dawn l-aħħar ġimgħat tinsisti mal-Gvern biex iraħħas minnufih il-prezzijiet tad-diesel u l-petrol. Illum, il-prezz taż-żejt hu ta’ $44 għal kull barmil.
Fi stqarrija, l-Oppożizzjoni nnotat li numru ta’ membri fi ħdan l-MCESD, fosthom il-GRTU, il-UĦM, l-MHRA u l-Kamra tal-Kummerċ, l-Industrija u l-Intrapriża, semmgħu leħinhom fil-pubbliku dwar din il-materja. Huma talbu lill-Gvern biex ilaqqa’ l-MCESD ħalli jiddiskutu l-prezzijiet għoljin tad-diesel u l-petrol.
L-Oppożizzjoni qed tibqa’ tinsisti mal-Gvern li għandu jraħħas il-prezzijiet tad-diesel u l-petrol minnufih, kif ukoll li ma jibqax jilgħab biċ-ċifri biex jiprova jagħti l-impressjoni li l-familji u n-negozji Maltin mhumiex iħallsu fost l-ogħla prezzijiet tal-fuels fl-Ewropa. Il-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin ilhom xhur twal iħallsu fost l-ogħla prezzijiet tad-diesel u l-petrol fl-Ewropa.
Dan għall-kuntrarju ta’ familji u negozji oħrajn f’pajjiżi Ewropej oħra, bħall-Lussemburgu, il-Polonja u l-Iżvezja, li fost l-oħrajn irrefera għalihom ilbieraħ il-Partit Laburista fl-aħħar attentat tiegħu biex jipprova jiġġustifika l-prezzijiet ogħola tad-diesel u l-petrol.
//= $special ?>