Lokali Unjoni Ewropea

Malta għandha tibqa’ tenfażizza l-importanza tal-Mediterran fl-UE

L-importanza li r-reġjun tal-Mediterran għandu jingħata fl-Unjoni Ewropea kienet trattata fi żjara li x-Shadow Minister għall-Affarijiet Ewropej u Barranin Roberta Metsola, kif ukoll il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-istess settur Tonio Fenech għamlu fl-Istitut għall-Istudju Diplomatiċi dwar il-Mediterran.

Metsola u Fenech kienu milqguħa mid-Direttur tal-Istitut Stephen Calleja u f’laqgħa mal-Bord ta’ Tmexxija tal-Istitut enfażizzaw ir-rwol ta’ Malta fl-UE bħala pajjiż Mediterranju u Ewropew.

Ix-Shadow Minister Roberta Metsola tkellmet dwar ir-rwol li għandha Malta bħala pajjiż Mediterranju fl-UE. Sostniet li tul il-Presidenza tal-UE, Malta għandha tassigura li s-sitwazzjoni fil-Mediterran tkun trattata bi prijorità. Għall-Oppożizzjoni, il-Mediterran hu reġjun ta’ importanza li jeffettwa dak li jseħħ fl-UE u reġjun li bħalissa għaddej minn turbulanza politika, sostniet Roberta Metsola.

Min-naħa tiegħu, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni Tonio Fenech tkellem dwar is-sitwazzjoni preżenti fil-Mediterran, partikolarment il-problema fil-Libja, li jista’ jkollha effetti fuq ir-reġjun kollu. Semma’ wkoll il-kontribut li tista’ tagħti Malta lejn l-istabbiltà tar-Reġjun, filwaqt li appella biex aktar studenti jkomplu jitħarrġu fl-istudji Mediterraniji ħalli għall-futur ir-Reġjun ikun rappreżentat minn diplomatiċi u politiċi b’formazzjoni politika meħtieġa.

Id-Direttur tal-Istitut Stephen Calleja qal li hu pożittiv li f’Malta hawn konsenus dwar il-politika Mediterranija. Sostna li dan hu aspett importanti ħafna fil-politika barranija tal-pajjiż.