Internazzjonali

Nistgħu nispiċċaw bla banana

Esperti dwar il-mard li jaffettwa l-frott u l-ħaxix huma inkwetati dwar tip ta’ fungus li qed jinfirex malajr u li jista’, ‘il quddiem, jhedded il-provvisti futuri tal-banana li hi fost l-aktar frott popolari madwar id-dinja

Il-fungus – Fusarium oxysporum, jew ‘TR4’ – jidher li infirex għall-Afrika wara li kkaġuna l-problemi kbar għall-bdiewa tal-Asja li qed jikkultivaw il-banana.
Fil-fatt, il-fungus jattakka lill-aktar banana popolari tad-dinja – il-‘Cavendish’ – li qed tinbiegħ fis-supermarkets.

Sa ftit ilu, it-‘TR4’ kien ristrett biss għal ħames pajjiżi Asjatiċi li jipproduċu l-banana ‘Cavendish’ kif ukoll l-Awstralja. Intant, il-fungus issa feġġ ukoll f’Mozambique u fil-Lvant Nofsani, fost it-tħassib tal-esperti internazzjonali.

Il-fungus inkwistjoni, fost oħrajn, jipproduċi sustanza velenuża li teqred il-pjanta tal-banana, bil-ħamrija kapaċi tibqa’ kontaminata għal ħafna snin wara.

Fazil Dusunceli, espert dwar il-mard mal-‘Plant Protecting Division’ tal-Organizzazzjoni (tan-NU) għall-Ikel u Agrikoltura, qal li l-banana hi l-aktar frotta esportata u favorita mal-konsumatur u, għaldaqstant, ‘wieħed jista’ jimmaġina l-impatt tal-fungus għas-sigurta tal-ikel u l-għajxien tal-ħaddiema fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw.’

Dan ukoll meta mal-85 fil-mija tal-banana qed ikunu prodotti għall-konsum domestiku.