Omm ta’ erbat itfal ma tistax issuq, almenu għat-tliet snin li jmiss, wara li żewġha rrappurtaha lill-Pulizija li ħadet lit-tfal l-iskola meta kienet xurbana.
Il-każ seħħ wara li l-omm, ta’ 33 sena, irritornat id-dar filgħaxija iktar tard mis-soltu. Il-koppja kellha xi tgħid u l-argument kompla anke filgħodu. Waqt li r-raġel ħa liż-żewġ ulied iż-żgħar in-nursery, l-omm ħarġet lit-tfal ta’ 8 u 11-il sena u ħadithom l-iskola. Kien ir-raġel stess li ċempel lill-Pulizija u akkuża lil martu li kienet qed issuq xurbana.
Il-Pulizija waqqfuha waqt li kienet qed issuq wara li kienet diġà ħadet lit-tfal l-iskola, u arrestawha. Il-mara kellha darba u nofs il-livell tal-alkoħol permess mil-liġi. Minbarra li ma tħallietx issuq għat-tliet snin li jmiss, il-mara ġiet ordnata tħallas multa u ħlasijiet oħra għal ftit iktar minn 200 lira Sterlina.
Il-każ saħħaħ lill-koppja li mhux talli ma nfirditx imma l-omm irrealizzat li mhux biżżejjed li wieħed jorqod wara li jkun ħareġ jixrob, għax il-livell tal-alkoħol jibqa’ għoli. Saħqet li għamlet żball waqt li ħeġġet lil oħrajn biex joqgħodu attenti biex ma jagħmlux l-istess żball tagħha.
//= $special ?>