Internazzjonali

Terremot ieħor ta’ 4.1 fin-naħa ta’ fuq tal-Italja

Theżżiża oħra fl-Italja, din id-darba fiż-żona tal-grigal tal-Alpi qrib Udine u l-fruntiera mas-Slovenja, ħolqot paniku fost ħafna tant li ċemplu lill-forzi tal-ordni biex jaraw x’kien ġara. Din id-darba, it-theżżiża kienet ta’ terremot ta’ 4.1 fuq l-iskala Richter li seħħ fis-1.45am. B’xorti tajba, it-terremot ma wassal għal ebda ħsarat jew vittmi.

It-theżżiża kellha l-epiċentru tagħha 6.2 kilometru fil-fond u seħħet qrib ħafna ta’ rħula li fihom jgħixu għadd ta’ nies. Fakkret lil ħafna fit-terremot qawwi tal-1976, li kien ħalla diżastru.

Matul in-nofstanhar ta’ dalgħodu, il-media soċjali fosthom Twitter, imtliet b’messaġġi b’rabta ma’ dak li seħħ tant li l-iktar hashtag użata fl-Italja kienet #terremoto.