Lokali

Tinħeba informazzjoni dwar l-istabbilimenti kummerċjali li nqatgħalhom id-dawl

Għal darb’oħra l-Gvern ma jagħtix l-informazzjoni mitluba fil-Parlament mill-Oppożizzjoni u jkompli jinħeba bl-iskuża li hi ta’ natura kummerċjali meta lanqas ta informazzjoni bażika dwar kemm hu n-numru ta’ stabbilimenti kummerċjali li l-provvista tad-dawl u l-ilma ġiet sospiża minħabba li ma jkunux tħallsu l-kontijiet.

Il-Ministru għall-Enerġija u s-Saħħa, Konrad Mizzi, evita wkoll li jwieġeb għal din il-mistoqsija li saret mix-Shadow Minister Marthese Portelli, li staqsiet lill-Ministru jgħid matul l-2014, kemm kien in-numru ta’ stabbilimenti kummerċjali f’Malta u Għawdex, separatament, li l-Korporazzjoni Enemalta ssospenditilhom il-provvista tad-dawl u l-ilma.

Minflok ma wieġeb din il-mistoqsija sempliċi u diretta, il-Ministru Konrad Mizzi ta’ spjegazzjoni ta’ xi jsir meta ma jitħallsux il-kontijiet, iżda ma qalx kemm huma l-istabbilimenti li kellhom is-servizz maqtugħ f’Malta, u kemm ukoll kien hemm każijiet f’Għawdex.

Il-Ministru Konrad Mizzi qal li l-Enemalta tissospendi l-provvista tal-elettriku meta ma jkunx qed isir ħlas tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma.

Fisser ukoll li l-ARMS Ltd qed tiltaqa’ ma’ dawk li jkunu waqgħu lura fil-ħlasijiet biex tipprova ssib soluzzjoni dwar kif jistgħu jsiru l-ħlasijiet.

Għal darb’oħra, il-Ministru Konrad Mizzi ħeba din l-informazzjoni wara l-iskuża li hi ta’ natura kummerċjali – meta l-mistoqsija kienet biss dwar in-numru ta’ stabbilimenti u mhux min huma l-istabbilimenti.